Il-Logħob M’Huwiex Għalxejn
IT-TFAL iħobbu jilagħbu. Imma l-logħob “m’huwiex xi attività bla sens jew vojta,” jispjega l-ktieb The Developing Child. “Milli jidher b’din l-attività t-tfal jiżviluppaw il-ħarsa tagħhom lejn l-affarijiet taʼ madwarhom.” Bil-logħob, it-tfal jitgħallmu jużaw is-sensi tagħhom, jifhmu l-ambjent taʼ madwarhom, u jagħmluha maʼ oħrajn.
Minn meta jkollhom erbaʼ snin jew ħamsa, it-tfal jibdew jagħmluha taʼ adulti bħala parti mil-logħob tagħhom. Ġesù darba tkellem dwar tfal li kienu qed jilagħbu. Xi wħud riedu jilagħbu taparsi qegħdin f’tieġ, oħrajn riedu jilagħbu taparsi f’funeral u, bħalma spiss jagħmlu t-tfal, huma argumentaw bejniethom għaliex xi wħud ma ridux jieħdu sehem. (Mattew 11:16, 17) Dan it-tip taʼ logħob jistaʼ jservi biex it-tfal li jkunu qed jiżviluppaw inaqqxu f’moħħhom irwoli importanti.
It-tfal fl-istampi qed jagħmluha taʼ għalliem tal-Bibbja u student. M’humiex qed jikkonduċu studju tal-Bibbja reali, imma l-idea li jaqsmu l-messaġġ tal-Bibbja maʼ oħrajn hi ċara f’moħħhom. U din it-tagħlima hija waħda importanti, għaliex Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u jgħallmu lin-nies iħarsu dak kollu li kien għallimhom.—Mattew 28:19, 20.
Il-ġenituri li wliedhom iħobbu jilagħbu taparsi qed jikkonduċu studji tal-Bibbja, jagħtu t-taħditiet, jew jippridkaw minn dar għal dar jistgħu bix-xieraq iħossuhom sodisfatti bihom infushom. Ovvjament, it-tfal jimitaw l-affarijiet li jaraw lill-kbar taʼ madwarhom jagħmlu. Il-logħob tat-tfal mill-Bibbja jindika li huma qed jitrabbew “bit-tip taʼ edukazzjoni u pariri li japprova l-Mulej.”—Efesin 6:4, Charles B. Williams.
Jehovah irid li t-tfal jieħdu sehem fil-qima vera. Hu qal lil Mosè biex jinkludi lit-“tfal” meta tinqara l-Liġi. (Dewteronomju 31:12) Jekk iċ-ċkejknin iħossuhom involuti, wisq probabbli dan se jidher fil-logħob tagħhom. U t-tfal li jagħmluha taʼ ministru t’Alla fil-logħob ikunu qed jagħmlu l-ewwel pass sabiex isiru wieħed tassew.