Riċetta għal Ħajja Twila u Hienja
“KULĦADD irid jibqaʼ ħaj; imma ħadd ma jrid jixjieħ.” Hekk jgħid proverbju Ġermaniż. Ħafna nies li jkunu waslu biex jirtiraw mix-xogħol iħarsu ’l quddiem lejn li jkollhom iktar ħin għalihom infushom u inqas responsabbiltajiet. Iżda jibżgħu li jsiru bla skop fil-ħajja u ma jkunu jiswew xejn. Jibżgħu wkoll li jispiċċaw waħedhom, imdejqin, u neqsin mis-saħħa.
X’inhu, mela, is-sigriet taʼ ħajja hienja? Ħbieb sinċieri u familja li turik imħabba jgħinu biex iġibu l-hena kemm liż-żgħar kif ukoll lill-kbar. Imma l-iktar li jgħodd m’huwiex x’jistgħu jagħmlu oħrajn biex itejbu l-ħajja taʼ persuna anzjana. Saħansitra iktar importanti hu dak li l-anzjan stess jistaʼ jagħmel għal oħrajn.
Studju li sar tul perijodu twil fuq 423 koppja anzjana jindika li l-fatt li nkunu t’għajnuna fil-ħajjiet t’oħrajn jistaʼ jgħin biex ħajjitna stess titwal. Stephanie Brown, li kkonduċiet l-istudju, tispjega: “Dan li sibna jissuġġerixxi li m’huwiex dak li nieħdu mir-relazzjonijiet li jagħmel il-kuntatt m’oħrajn tant taʼ ġid; huwa dak li nagħtu.” Dan l-għoti għandu mnejn jinkludi għajnuna fix-xogħol tad-dar, indokrar tat-tfal, qadi, li nipprovdu trasport, jew li noqogħdu nisimgħu lil xi ħadd li jkollu bżonn jitkellem.
Madwar 2,000 sena ilu, Ġesù Kristu qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Ir-riċetta għal ħajja twila u hienja ma tinstabx f’xi somma kbira l-bank jew f’xi dieti u terapiji kontra x-xjuħija. Pjuttost, tikkonsisti filli nibqgħu attivi u nagħtu mill-ħin, l-enerġija, u s-saħħa tagħna biex intejbu l-ħajjiet t’oħrajn.
Madankollu, m’huwiex biżżejjed li nagħtu biex ninħelsu mix-xjuħija, mill-mard, u mill-mewt. Is-Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi għalkollox dawn l-affarijiet. Taħt il-ħakma tagħha, il-mard se jispiċċa u saħansitra “ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Apokalissi 21:3, 4; Isaija 33:24) Fil-fatt, il-bnedmin ubbidjenti se jgħixu għal dejjem henjin fuq l-art magħmula ġenna. (Luqa 23:43) Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma kuntenti li jistgħu jagħtu lill-oħrajn din ir-riċetta bbażata fuq il-Bibbja għal ħajja twila u hienja.