Tissaħħaħ Int bil-Kelma t’Alla?
META tiffaċċja xi provi, int kif tirreaġixxi? Meta ffaċċja l-isfidi taʼ Satana, Ġesù ġie megħjun billi ftakar skrittura addattata. (Mattew 4:1-11) Bl-istess mod, meta ffaċċja provi persunali, is-Sultan David ġie msaħħaħ bil-Kelma t’Alla. Qal: “Meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek hennieli ruħi.”—Salm 94:19.
Meta niffaċċjaw il-provi, aħna wkoll nistgħu nitfarrġu jew nissaħħu billi niftakru xi skrittura favorita. Per eżempju, Rex, li issa għandu 89 sena, ilu evanġelizzatur full-time mill-1931. Madankollu jgħid: “Spiss ħassejtni li ma kontx kapaċi meta kont ningħata xi inkarigu speċjali fil-ministeru.” Kif kien jegħleb il-prova? “Kont niftakar fl-iskrittura favorita tiegħi, Proverbji 3:5, li tgħid: ‘Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.’ Meta kont niftakar u napplika din l-iskrittura kont nissaħħaħ biex inwettaq l-inkarigi tiegħi b’suċċess.”
Anki ż-żgħar jibbenefikaw meta jkollhom xi skrittura favorita. Jack, li għandu sitt snin, jgħid li l-iskrittura favorita tiegħu hija Mattew 24:14. Din l-iskrittura tqanqlu biex imur jippriedka mal-ġenituri tiegħu. Hu jgħid: “Inħobb immur nagħti xiehda kull nhar taʼ Sibt mal-mamà, mal-papà u m’oħti.”
Ġieli l-fidi tiegħek tiġi sfidata direttament bħalma ġralu Ġesù? Allura Filippin 4:13 għandha mnejn issir waħda mill-iskritturi favoriti tiegħek. Ikollok int dwejjaq jew ‘hemm ġo qalbek’ bħalma kellu s-Sultan David? Mela jekk tiftakar fl-iskrittura taʼ Filippin 4:6, 7 tistaʼ tiġi megħjun biex tegħleb il-provi. Tinkwieta kultant int li s-servizz tiegħek lil Alla hu għalxejn? Mela jekk tiftakar fl-1 Korintin 15:58 int tikseb is-saħħa.
Jekk nitgħallmu skritturi addattati, inkunu qed inħallu l-Kelma t’Alla teżerċita l-qawwa tagħha f’ħajjitna. (Lhud 4:12) Skritturi favoriti bħal dawn jistgħu jagħtuna s-saħħa u l-faraġ.—Rumani 15:4.