Permezz t’Għajnuna mill-Bibbja, Hu Rreżista t-Tentazzjoni
Hemm ħafna tentazzjonijiet fid-dinja llum. Mhux faċli żżomm mal-livelli tal-Bibbja. Per eżempju, forsi jkun taʼ sfida li wieħed jobdi l-parir tal-Bibbja: “Aħarbu ż-żína!”—1 Korintin 6:18.
Wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, li se nsejħulu Sebastian, kien jaħdem maʼ kumpanija Skandinava fil-Polonja. Hu kellu jagħmel sforz kbir biex iżomm l-integrità tiegħu.
Sebastian sar magħruf bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Peress li dawk taʼ fuqu apprezzaw il-bżulija u l-karattru onest tiegħu, offrewlu diversi opportunitajiet taʼ xogħol. Madankollu, sar jaf li dawn l-opportunitajiet inkludew li hu kellu jattendi xi laqgħat fejn kien hemm involut divertiment immorali.
Sebastian malajr ġewh id-dubji. “L-imgħallem tiegħi jaf li jien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Dan hu għala jafdani u jorbot fuqi. Jekk nirrifjuta li nieħu sehem, se nitlef ix-xogħol, li tant kien diffiċli biex sibtu. X’jiġri jekk noqgħod nosserva biss u ma niħux sehem?”
Imbagħad Sebastian skopra xi ħaġa oħra. Hu kien mistenni “jieħu ħsieb” il-klijenti barranin billi jipprovdilhom “tfajliet” għal skopijiet immorali biex joħorġu magħhom fil-għaxija. X’setaʼ jagħmel?
Sebastian iddeċieda li jfakkar lil dak taʼ fuqu dwar il-ħarsa tiegħu bbażata fuq il-Bibbja dwar l-immoralità. Deher ċar li dak ix-xogħol ma kienx jgħodd għal Sebastian u li eventwalment kien ikollu jitlaq minn hemm. Hu sab xogħol ġdid b’paga inqas imma mingħajr tentazzjonijiet bħal dawn. Issa għandu kuxjenza nadifa.
Int x’kont tagħmel kieku xi ħadd għamillek pressjoni biex tieħu sehem jew tagħlaq għajnejk għall-immoralità? Kont tkun lest li tagħmel bidla kbira? Ġużeppi taʼ żmien il-qedem hekk għamel, kif inhu rakkontat f’Ġenesi 39:7-12.