Qiegħed Int Tiżviluppa Sens taʼ Stagħġib?
QATT innotajt li l-kittieba tal-Bibbja kemm-il darba jqanqlu sens taʼ stagħġib meta jitkellmu dwar l-għemejjel u l-kwalitajiet t’Alla? “B’mod taʼ l-għaġeb għamiltni,” qal is-salmista. (Salm 139:14) “Mulej,” kiteb il-profeta Isaija, “Alla tiegħi int; nfaħħrek u nsebbaħ lil ismek, għaliex għamilt ħwejjeġ taʼ l-għaġeb.” (Isaija 25:1) Jew aħseb ftit dwar l-istagħġib li esprima l-appostlu Pawlu meta qal: “Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal taʼ Alla!”—Rumani 11:33.
Il-kelma “stagħġib” tistaʼ tiġi spjegata bħala emozzjoni mqanqla minn xi ħaġa mhux mistennija, mhux tas-soltu, jew li ma tistax tiġi spjegata, speċjalment sorpriża mħallta b’ammirazzjoni jew kurżità, eċċetra.
Ma tiħux pjaċir meta tara lit-tfal żgħar jiftħu għajnejhom beraħ bl-istagħġib meta jaraw, iħossu, jew jisimgħu xi ħaġa ġdida għalihom? B’dispjaċir, dan l-istagħġib imqanqal mill-kurżità jew minn xi ħaġa ġdida li jesperjenzaw, taʼ spiss jonqos iktar ma jikbru.
Madankollu, għall-kittieba Bibliċi li għadhom kemm issemmew, is-sentiment taʼ stagħġib kien parti minnhom. Baqaʼ fihom tul is-snin. Għala? Għax żviluppaw is-sens tagħhom taʼ stagħġib billi mmeditaw b’apprezzament fuq l-għemejjel t’Alla. Is-salmista talab: “Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, naħseb f’kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.”—Salm 143:5.
Kemm huma taʼ min ifaħħarhom l-aduraturi t’Alla llum li għandhom dan is-sens taʼ stagħġib! Int għandek? Qiegħed tiżviluppah?