Rakkont li Jqanqal il-Fidi u l-Kuraġġ—Ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ukraina
SEWWASEW bħalma l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu għaddew mill-persekuzzjoni, hekk ukoll għamlu n-nies t’Alla llum. (Mattew 10:22; Ġwanni 15:20) Ftit huma l-pajjiżi li fihom il-persekuzzjoni damet għaddejja jew kienet ħarxa daqskemm kienet fl-Ukraina, fejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna kien ilu projbit għal 52 sena.
Fit-2002 Yearbook of Jehovah’s Witnesses kien hemm ir-rakkont tal-poplu t’Alla f’dak il-pajjiż. Huwa rakkont taʼ fidi, kuraġġ, u saħħa fi żmien t’għawġ kbir. Dawn huma xi kummenti t’apprezzament li rċivew dawk fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ukraina:
“Spiċċajt naqra t-2002 Yearbook. Ma stajtx nieqaf nibki waqt li kont qed naqra dwar l-attività tagħkom fl-Ukraina. Nixtieq ngħidilkom kemm ġejt inkuraġġita mill-eżempju żeluż u l-fidi soda tagħkom. Jien kburija li nagħmel parti mill-istess familja spiritwali tagħkom. Grazzi minn qiegħ qalbi!”—Andrée, minn Franza.
“M’hemmx kliem biex niddeskrivi kemm jien grata lejkom u lejn Jehovah għat-2002 Yearbook. Bid-dmugħ nieżel qrajt il-ħafna esperjenzi t’aħwa li qattgħu l-aħjar snin taʼ ħajjithom fil-ħabsijiet u fil-kampijiet tal-konċentrament. Jien nammira l-kuraġġ tagħhom. Għalkemm ili Xhud 27 sena, xorta għadni nitgħallem minn dawn l-aħwa rġiel u nisa. Huma saħħew il-fidi tiegħi f’Missierna tas-sema, Jehovah.”—Vera, minn dik li qabel kienet il-Jugoslavja.
“Jien qed nikteb din l-ittra bil-ferħ minħabba l-eżempju tajjeb tagħkom taʼ sabar u lealtà matul dawk is-snin kollha t’oppożizzjoni. Il-fiduċja sħiħa li kellkom f’Jehovah u d-determinazzjoni li tibqgħu leali jġibilkom unur. Iktar minn hekk, l-umiltà tagħkom meta ffaċċjajtu l-provi saħħet il-konvinzjoni tiegħi li Jehovah ma jitlaqx lin-nies tiegħu. Minħabba l-eżempju tajjeb tagħkom taʼ kuraġġ, sodizza, u perseveranza, aħna nistgħu naċċettaw il-problemi żgħar tagħna iktar bil-kalma.”—Tuteirihia, mill-Polinesja Franċiża.
“Wara li qrajt il-Yearbook, ma stajtx ma niktbilkomx. Tant ġejt imqanqla mill-ħafna esperjenzi inkuraġġanti. Ħassejtni kburija li jien membru t’organizzazzjoni leali, u magħquda, immexxija minn Missier kollu mħabba li lest li jieħu ħsiebna u li jagħtina s-saħħa meta jkollna bżonn. Kemm sewwidli qalbi l-fatt li ħafna qaddejja kuraġġużi u żelużi taʼ Jehovah sofrew daqshekk u saħansitra tilfu ħajjithom. Imma ħassejt il-ferħ ukoll għax b’riżultat tal-kuraġġ u ż-żelu tagħhom, ħafna nies tgħallmu l-verità u saru jafu lil Missierna kollu mħabba.”—Colette, mill-Olanda.
“Jien u marti ridna niktbulkom biex ngħidulkom li qalbna tant tqanqlet meta qrajna r-rakkont dwar l-Ukraina fil-Yearbook. Intom, għeżież ħutna leali, tajtu eżempju li jispikka taʼ sabar meta kontu għaddejjin minn tbatija kbira li damet sejra għal ħafna żmien. Fi qbil mal-kliem taʼ Proverbji 27:11, min jaf kemm hu ferħan Jehovah li jaf li ħafna aħwa leali mill-Ukraina żammew integrità li ma titkissirx minkejja l-atti kefrin kollha tax-Xitan.”—Alan, mill-Awstralja.
“Għajnejja mtlew bid-dmugħ meta qrajt dwar l-aħwa fl-Ukraina. Issaportew ħafna affarijiet—snin fil-ħabsijiet, torturi, moħqrija, u firda mill-familji tagħhom. Nixtieq ngħid lill-aħwa kollha li għadhom jaqdu fil-kongregazzjonijiet tagħkom li nħobbhom u nirrispettahom ħafna. Kemm ħadt pjaċir nara l-kuraġġ u s-sodizza tagħhom. Jien naf li s-sors tal-qawwa tagħhom huwa l-ispirtu taʼ Jehovah. Jehovah hu qrib tagħna, u jrid jgħinna.”—Sergei, mir-Russja.
“Jien qrajt it-2002 Yearbook, u nfqajt nibki. Ħafna aħwa nisa u rġiel fil-kongregazzjoni tagħna tkellmu dwarkom. Intom verament prezzjużi. Kemm inħossni ferħana li jien membru taʼ din il-familja spiritwali kbira.”—Yeunhee, mill-Korea t’Isfel.
“Jien verament ġejt imqanqal mill-fidi, is-sabar, u l-imħabba soda tagħkom għal Jehovah u għas-Saltna tiegħu. Kultant ma napprezzawx biżżejjed il-libertà li ngawdu u l-abbundanza taʼ ikel spiritwali li Jehovah jipprovdilna. Madankollu, dan mhux minnu fil-każ tagħkom. L-eżempju tal-fidi tagħkom jgħinna nirrealizzaw li jekk ikollna relazzjoni mill-qrib m’Alla tagħna, hu se jagħtina s-saħħa biex inkampaw maʼ kwalunkwe tip taʼ problema.”—Paulo, mill-Brażil.
“Jien kelli l-privileġġ li naqra dwar l-esperjenzi tagħkom fit-2002 Yearbook. Dawn tant messewli qalbi, speċjalment l-esperjenza kommoventi t’Oħtna Lydia Kurdas. Ħassejt rabta mill-qrib maʼ din l-oħt.”—Nidia, mill-Kosta Rika.
“Illum spiċċajt naqra t-2002 Yearbook. Waqt li kont qed naqrah, il-fidi tiegħi f’Jehovah issaħħet. Żgur li qatt m’hu se ninsa r-rakkont taʼ meta xi ħadd qajjem id-dubji dwar dawk li kienu qed imexxu. Tgħallimt biex qatt ma niddubita l-aħwa li qed imexxu. Grazzi ħafna! Dan l-ikel spiritwali jsaħħaħ il-fidi u jħejjina għaż-żmien meta l-fidi tagħna forsi tiġi mġarrba.”—Leticia, mill-Istati Uniti.
“Kemm aħna grati għal dan il-Yearbook eċċellenti. Ħafna pubblikaturi kienu qed jaqraw għall-ewwel darba dwar l-attività ta’ ħutna fl-Ukraina. L-aħwa hawnhekk issaħħu. Ħafna, speċjalment fost iż-żgħażagħ, żiedu l-attività tas-servizz tagħhom. Xi wħud bdew jaqdu bħala pijunieri regulari jew awżiljarji. Kollha ġew inkuraġġiti mir-rakkonti taʼ ħutna li qdew lil Jehovah matul il-projbizzjoni.”—Kumitat tas-servizz taʼ waħda mill-kongregazzjonijiet fl-Ukraina.
Il-lealtà taʼ ħutna fl-Ukraina żgur li kienet sors taʼ inkuraġġiment għan-nies taʼ Jehovah madwar id-dinja. Fil-fatt, il-qari regulari taʼ rakkonti inkuraġġanti li jidhru fil-Yearbook kull sena huwa mod tajjeb biex insaħħu l-fidi u s-sabar tagħna f’dawn iż-żminijiet tant kruċjali.—Lhud 12:1.