Hu Ħabb il-Ħniena
MILTON G. HENSCHEL, membru li qeda għal ħafna żmien mal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, temm il-ħajja tiegħu fuq din l-art nhar is-Sibt, 22 taʼ Marzu, 2003. Kellu 82 sena.
Meta kien għadu żagħżugħ, Milton Henschel ngħaqad maʼ l-istaff tal-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah u qeda lealment għal iktar minn 60 sena. Malajr sar magħruf għal kemm kien bniedem għaqli u għall-interess sinċier li wera fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Fis-sena 1939, hu sar is-segretarju taʼ N. H. Knorr, li dak iż-żmien kien l-indokratur taʼ l-istamperija tax-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Brooklyn. Meta Ħuna Knorr beda jieħu t-tmexxija fost ix-Xhieda madwar id-dinja fis-sena 1942, hu żamm lil Ħuna Henschel bħala l-assistent tiegħu. Ħuna Henschel iżżewweġ lil Lucille Bennett fl-1956, u flimkien qasmu l-ferħ u l-isfidi tal-ħajja.
Ħuna Henschel ħadem mill-qrib maʼ Ħuna Knorr sakemm Knorr miet fl-1977. Spiss, flimkien maʼ Ħuna Knorr, Ħuna Henschel ivvjaġġa lejn iktar minn 150 pajjiż, sabiex iżur u jinkuraġġixxi lix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, speċjalment lill-missjunarji u lil dawk fl-uffiċċji tal-fergħat. Kultant, dawn il-vjaġġi kienu diffiċli, anki saħansitra perikolużi. Meta fl-1963 kien qed iżur konvenzjoni fil-Liberja, Ħuna Henschel safa vittma taʼ persekuzzjoni vjolenti għax irrifjuta li jieħu sehem f’ċerimonja patrijottika.a Wara ftit xhur biss, Ħuna Henschel, mingħajr ma beżaʼ, irritorna l-Liberja biex jiltaqaʼ mal-president tal-pajjiż u sabiex ifittex iktar libertà tal-qima għax-Xhieda taʼ Jehovah hemmhekk.
Meta kien jittratta xi problemi jew xi sfidi, Ħuna Henschel kellu reputazzjoni li kien prattiku, flessibbli, u raġunevoli. Dawk li ħadmu miegħu, b’mod partikulari kienu jistmaw l-ordni, il-modestja, u s-sens t’umoriżmu tiegħu. Imbierek b’memorja mill-aqwa, hu kien iferraħ lil ħafna missjunarji madwar id-dinja meta mill-ewwel kien jiftakar isimhom, jgħidilhom xi frażi jew tnejn bil-lingwa lokali, u xi ċajta bil-logħob tal-kliem—li kien iħobb jgħid bi tbissima fuq fommu.
Mikea 6:8 (Saydon) ifakkarna li Alla Jehovah iridna ‘nħobbu l-ħniena.’ Milton Henschel se jibqaʼ jiġi miftakar talli ħalla eżempju f’dan ir-rigward. Minkejja r-responsabbiltà kollha li kellu, hu baqaʼ raġel li tħossok komdu miegħu, ġentili, u dħuli. Kien iħobb jgħid, “Meta jkollok dubju x’għandek tagħmel, ftakar li jekk turi ħniena tkun qed tagħmel l-aħjar ħaġa.” Waqt li nitnikktu minħabba t-telfa taʼ Ħuna tant maħbub, aħna ferħanin li hu baqaʼ leali sa l-aħħar, u ċerti li se jieħu l-premju tiegħu, “il-kuruna tal-ħajja.”—Apokalissi 2:10.
[Nota taʼ taħt]
a Ara n-1977 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 171-7.
[Stampa f’paġna 31]
M. G. Henschel maʼ N. H. Knorr
[Stampa f’paġna 31]
Maʼ martu, Lucille