Int Mistieden b’Mod Kordjali
L-AĦĦAR Ikla, li stabbilixxa l-Mulej Ġesù Kristu xi 2,000 sena ilu, m’hijiex sempliċement ġrajja taʼ interess storiku. Minn meta ġiet inawgurata, ħalliet effett qawwi fuq ħafna nies. Minħabba li tqanqlu b’dak li qraw fir-rakkonti taʼ l-Evanġelju dwar x’seħħ f’dak il-lejl, ħafna stinkaw biex ifakkru l-Ikla tal-Mulej b’diversi modi.
Dan kollu nistgħu nifhmuh peress li Ġesù Kristu stess ikkmanda li s-segwaċi tiegħu josservaw din il-ġrajja u jagħmlu dan regolarment. Hu qalilhom b’mod speċifiku: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—Luqa 22:19; 1 Korintin 11:23-25.
M’għandniex xi ngħidu, biex l-osservanza tkun verament esperjenza premjanti, wieħed irid jifhem eżatt xi tfisser, bħalma nsibu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Barra minn hekk, huwa importanti li nkunu nafu x’tgħid il-Bibbja dwar meta u kif għandha tiġi ċelebrata din il-ġrajja.
Biex jobdu l-kmand taʼ Ġesù, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja se jinġabru flimkien nhar l-Erbgħa fil-għaxija, 16 t’April, 2003, biex ifakkru il-mewt taʼ Ġesù. Għalihom, se tkun okkażjoni biex jeżaminaw l-Iskritturi u jġeddu l-fidi u l-imħabba tagħhom għall-Mulej Ġesù Kristu, li qal: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Int mistieden b’mod kordjali biex tingħaqad magħhom f’dak il-lejl sabiex tkun tistaʼ ssaħħaħ il-fidi u l-imħabba tiegħek għal Ġesù Kristu u l-Missier tas-sema, Alla Jehovah.