Sforzi li Jinkuraġġixxu Livelli Morali Tajbin
Lejn l-aħħar tas-sena 2001, dawk li kienu qed jisimgħu x-xandira nazzjonali fuq Radju Możambik semgħu dan l-avviż:
“Il-president tar-Repubblika żar il-faċilitajiet tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Maputo. Hu ħeġġeġ lil din il-kongregazzjoni reliġjuża biex iżżid l-isforzi tagħha waqt li tinkuraġġixxi livelli morali tajbin fil-familji u teduka lill-adulti permezz taʼ programmi li fihom jitgħallmu l-kitba u l-qari. Madwar 10,000 persuna diġà bbenefikaw minn dawn il-programmi. Skond il-President Chissano, programmi bħal dawn huma taʼ min ifaħħarhom, minħabba li huma t’għajnuna imprezzabbli għall-komunità biex isolvu l-problemi fl-edukazzjoni li dan il-pajjiż għadu jiffaċċja.”
L-avviż kompla b’din is-silta rekordjata mid-diskors tal-president: “Huwa veru inkuraġġanti għalina li naraw ħafna nies juru interess fil-kitba u l-qari. Dan jurina li wħud mis-settur ċivili se jgħinuna nżidu n-numru taʼ nies li jafu jiktbu u jaqraw. Għalhekk, nixtieq ninkuraġġixxi lix-Xhieda taʼ Jehovah biex iżidu l-programmi li fihom jgħallmu l-kitba u l-qari, bi kwalunkwe lingwa. Dak li hu verament importanti hu li n-nies ikunu jafu jiktbu u jaqraw u li jsibuha iktar faċli biex jikkomunikaw u li fil-futur ikunu jistgħu jipparteċipaw iżjed fl-edukazzjoni.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Możambik qed jikkonduċu klassijiet għall-kitba u l-qari fi 850 post mal-pajjiż kollu sabiex jgħinu lin-nies jitgħallmu jaqraw il-Kelma t’Alla waħedhom. Barra minn hekk, qed jikkonduċu madwar 50,000 studju tal-Bibbja fid-djar bla ħlas kull ġimgħa. Dan kollu huwa parti minn programm Bibliku edukattiv li issa jinsab f’235 pajjiż. (Mattew 24:14) Int ukoll tistaʼ tibbenefika minn dan il-programm. Jekk jogħġbok iżżommx lura milli tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-lokalità tiegħek.