Postijiet għall-Qima—Għandna Bżonnhom?
‘Eluf taʼ pellegrini lebsin ilbies taʼ kull lewn minn inħawi differenti tal-pajjiż, gruppi taʼ Indjani li mad-daqq tat-tanbur jimitaw iż-żfin li jaħsbu li kien isir qabel l-era Ispanika, u l-fidili li b’uġigħ kbir jimxu għarkobbtejhom f’nofs il-folol lejn is-santwarju mlew il-portiku u t-toroq madwar il-bażilika.’
IL-GAZZETTA El Economista hekk iddeskriviet lill-ġemgħa kbira taʼ nies li nġabret f’Diċembru 2001. F’dak iż-żmien, xi tliet miljun ruħ żaru l-bażilika fil-Belt tal-Messiku biex juru l-fidi tagħhom fil-Verġni taʼ Gwadalupe. Postijiet reliġjużi kbar oħra, bħall-Bażilika taʼ San Pietru f’Ruma, ukoll jiġbdu folol kbar taʼ viżitaturi.
Il-bini reliġjuż għandu post speċjali fil-qlub taʼ ħafna li jixtiequ jqimu lil Alla. “Għalija l-knisja kienet post fejn stajt inkun qrib t’Alla,” tgħid Maria mill-Brażil. “Kien post qaddis. Kont nemmen li jekk immur il-knisja r-ruħ tindaf u kien dnub jekk ma mmurx għall-Quddiesa u nqerr kull nhar taʼ Ħadd.” Consuelo mill-Messiku tgħid: “Il-knisja kienet tqanqal fija emozzjoni profonda; kont ngħożżha ferm. Meta kont inkun hemm, kont inħossni fis-sema.”
Għalkemm xi wħud jagħtu importanza kbira lill-knejjes, oħrajn għandhom id-dubju dwar kemm hemm bżonnhom bħala postijiet għall-qima. Peter Sibert, qassis Kattoliku fl-Ingilterra, hu u jitkellem dwar l-attendenza fqira fil-knisja, qal: “[In-nies] jagħżlu l-partijiet li jogħġbuhom mir-reliġjon. Ħafna mill-uħud anzjani huma Kattoliċi u jgħixu l-fidi tagħhom—imma fost iż-żgħażagħ m’hemmx dak is-sens t’obbligu.” Id-Daily Telegraph taʼ Londra taʼ l-20 taʼ Novembru, 1998, osservat: “Mill-1979 ’l hawn, fl-Ingilterra ngħalqu xi 1,500 knisja meta tqabbilhom maʼ l-495 knisja li nfetħu u l-150 li nbnew mill-ġdid.”
Fl-1997, il-gazzetta Süddeutsche Zeitung taʼ Munich, il-Ġermanja, irrapportat: “Il-knejjes mibdulin f’ċinema u appartamenti: Il-kredenti mhux qed jattendu, il-postijiet għall-qima qed jintużaw għal affarijiet oħra. . . . Dak li diġà sar tradizzjoni fl-Olanda jew fl-Ingilterra issa qed isir fil-Ġermanja.” Kompliet tgħid: “Ħaġa taʼ l-għaġeb li f’dawn l-aħħar ftit snin wieħed jistaʼ jsib xi 30 jew 40 knisja għall-bejgħ fil-Ġermanja.”
Hemm verament bżonn taʼ bini reliġjuż biex wieħed iqim ’l Alla? Inbnew il-bażiliki u l-knejjes kollha tiżjin fuq xi prattika stabbilita mill-Iskrittura? Liema tip taʼ bini ġie assoċjat mal-qima taʼ dak Alla veru u ħaj? X’nistgħu nitgħallmu minn dan il-bini dwar il-bżonn għal postijiet għall-qima u dwar x’għandu jsir fihom?