Lezzjoni miċ-Ċikonja
“IMQAR il-laqlâq [“iċ-ċikonja,” NW] taʼ l-ajru jagħraf żmienu . . . Imma l-poplu tiegħi ma jagħrafx id-dritt tal-Mulej.” (Ġeremija 8:7) B’dan il-kliem, il-profeta Ġeremija lissen il-ġudizzju taʼ Jehovah kontra l-poplu apostat taʼ Ġuda li kien telaq lil Jehovah Alla tiegħu u dar lejn il-qima taʼ divinitajiet barranin. (Ġeremija 7:18, 31) Ġeremija għala għażel iċ-ċikonja biex jagħti lezzjoni prattika lil-Lhud infidili?
Għall-Iżraelin, iċ-ċikonja, u speċjalment iċ-ċikonja l-bajda, kienet familjari għax kienet tpassi billi tgħaddi mill-pajjiżi Bibliċi. L-isem Ebrajk għal din it-tajra taʼ l-għadajjar, li hi kbira u għandha saqajha twal, huwa l-forma femminili taʼ kelma li tfisser “wieħed leali; wieħed li għandu qalb tajba bl-imħabba.” Dan huwa xieraq, għax kuntrarju għall-biċċa l-kbira mill-għasafar l-oħra, iċ-ċikonji l-bojod irġiel u nisa jibqgħu flimkien għal għomorhom. Wara li jgħaddu x-xitwa f’reġjuni iktar sħan, il-biċċa l-kbira miċ-ċikonji jirritornaw sena wara l-oħra, spiss lejn l-istess bejta li użaw qabel.
Fl-imġiba istintiva taċ-ċikonja nistgħu naraw il-kwalità tal-lealtà b’modi oħra taʼ l-għaġeb. Kemm l-għasafar irġiel u kemm l-għasafar nisa jieħdu sehem f’li jfaqqsu l-bajd u jżoqqu l-flieles. Il-ktieb Our Magnificent Wildlife jispjega: “Bħala ġenituri, iċ-ċikonji huma leali b’mod eċċezzjonali. Fil-Ġermanja, ċikonja raġel laqat wajers tad-dawl u miet bix-xokk li ħa. Is-sieħba tiegħu baqgħet tfaqqas il-bajd waħedha għal 3 ijiem, li matulhom telqet mill-bejta darba biss għal ftit ħin biex tfittex l-ikel. . . . F’każ ieħor, meta ċikonja mara nqatlet b’tiri taʼ senter, il-missier ħa ħsieb irabbi ż-żgħar.”
Tabilħaqq, billi b’mod istintiv hi tkun leali lejn is-sieħeb għal għomorha kollu u tieħu ħsieb iż-żgħar tagħha, iċ-ċikonja twettaq it-tifsira taʼ isimha—“leali.” B’hekk, iċ-ċikonji servew tajjeb bħala lezzjoni qawwija għall-Iżraelin infidili u stinati.
Għal ħafna llum, il-lealtà u l-fedeltà huma ideat antikwati—taʼ min jammirahom imma mhux prattiċi. Iż-żjieda kbira fid-divorzju, fl-abbandun, fl-ingann, u fil-forom oħra taʼ qerq turi li l-lealtà m’għadhiex titqies li hi taʼ valur. B’kuntrast, il-Bibbja tqis il-lealtà, li hi mqanqla mill-imħabba u l-qalb tajba, bħala li hi taʼ valur kbir. Hi tħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jilbsu l-personalità l-ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efesin 4:24, NW) Iva, il-personalità l-ġdida tgħinna nkunu leali, imma wkoll miċ-ċikonja nistgħu nieħdu lezzjoni dwar il-lealtà.