Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Huwa meħtieġ tgħaddis komplet taħt l-ilma jekk individwu jrid jitgħammed iżda għandu diżabilità serja jew saħħtu tkun batuta, u minħabba f’hekk it-tgħaddis ikun diffiċli?
Il-kelma “magħmudija” ġejja mill-verb Grieg baʹpto, li jfisser “tbill.” Fil-Bibbja, “li tgħammed” huwa l-istess bħal “li tgħaddas.” Dwar il-magħmudija li Filippu wettaq fuq l-ewnuku Etjopjan, The Emphasised Bible, taʼ Rotherham tistqarr: “Niżlu t-tnejn fl-ilma, kemm Filippu u kemm l-ewnuku—u hu għaddsu.” (Atti 8:38) Għalhekk, l-individwu li qed jitgħammed irid fil-fatt jiġi mgħaddas taħt l-ilma.—Mattew 3:16; Mark 1:10.
Ġesù ordna lid-dixxipli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom.” (Mattew 28:19, 20) Fi qbil maʼ dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah jorganizzaw il-magħmudija fil-pixxini, fil-baħar, fix-xmajjar, jew f’postijiet oħra fejn hemm biżżejjed ilma biex wieħed ikun jistaʼ jiġi mgħaddas kompletament taħt l-ilma. Peress li l-magħmudija b’tgħaddis komplet taħt l-ilma hija ħtieġa Skritturali, il-bnedmin m’għandhom l-ebda awtorità li jżommu lil xi ħadd mill-magħmudija. Għalhekk, individwu għandu jitgħammed anki meta jkun meħtieġ li jsiru proċeduri mhux tas-soltu minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Per eżempju, dawk kbar fl-età jew b’saħħa batuta sabuha t’għajnuna kbira li jitgħammdu f’banjijiet kbar. L-ilma fil-banju jistaʼ jissaħħan, il-kandidat għall-magħmudija jistaʼ bil-kalma u bil-mod il-mod jitqiegħed fl-ilma, u meta jkun dara t-temperatura, tkun tistaʼ ssir il-magħmudija.
Anki nies b’diżabilità serja ġew mgħammdin. Saħansitra individwi li għamlu t-trakeotomija, u bħala riżultat, għandhom toqba permanenti fi griżmejhom, jew uħud li jiddependu minn magna biex jieħdu n-nifs ġew mgħaddsin. Ċertament, għal dan it-tip taʼ magħmudija jkun hemm bżonn taʼ preparazzjoni bir-reqqa. Huwa għaqli li jkun hemm infermier kwalifikat jassisti jew xi tabib jekk ikun disponibbli. Madankollu, meta tingħata attenzjoni speċjali jew jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji, il-magħmudija tkun tistaʼ ssir—kważi dejjem. B’hekk, għandu jsir kull sforz raġunevoli sabiex dak li jkun jitgħammed fl-ilma jekk din hija x-xewqa sinċiera taʼ l-individwu u jekk hu lest li jaċċetta r-riskji involuti.