Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Il-Verità Tinstab f’Post Mhux tas-Soltu
HIJA r-rieda t’Alla li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) Biex tintlaħaq din il-mira, ix-Xhieda taʼ Jehovah stampaw u qassmu miljuni taʼ kopji tal-Bibbja u kotba t’għajnuna għall-istudju tal-Bibbja. Xi drabi, dawn il-pubblikazzjonijiet għenu lil uħud taʼ qalb onesta biex jitgħallmu l-verità b’modi li verament ma tistenniehomx. Dwar dan, il-proklamaturi tas-Saltna ġewwa Freetown, fi Sierra Leone, jirrapportaw l-esperjenza li ġejja.
Osman kien it-tieni iben taʼ familja b’disat itfal. Peress li trabba ġewwa familja reliġjuża, kien imur regolarment jagħti qima maʼ missieru. Madankollu, Osman, kien inkwetat ferm b’dak li r-reliġjon tiegħu għallmitu dwar l-infern. Ma setax jifhem kif Alla ħanin jistaʼ jaħqar lill-ħżiena billi jaħraqhom fin-nar. L-ispjegazzjonijiet kollha li ngħataw lil Osman biex jgħinuh jifhem id-duttrina tan-nar taʼ l-infern ma rnexxilhomx iserrħulu rasu.
Darba minnhom, meta Osman kellu 20 sena, innota ktieb blu nofsu mgħotti bl-iskart f’barmil taż-żibel. Peress li kien iħobb jaqra, ġabru, naddfu, u nnota t-titlu—Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna.a
‘X’verità hi din?’ ħaseb Osman. Il-kurżità għelbitu, u Osman ħa l-ktieb id-dar u qrah kollu f’daqqa. Kemm feraħ meta tgħallem li Alla kellu isem persunali—Jehovah! (Salm 83:19 [83:18, NW]) Osman tgħallem ukoll li l-kwalità superjuri t’Alla hija l-imħabba u li Hu jistmerr saħansitra l-ħsieb li jaħqar lin-nies f’post bin-nar. (Ġeremija 32:35; 1 Ġwann 4:8) Fl-aħħar, Osman qara li Jehovah dalwaqt se jġib ġenna taʼ l-art fejn in-nies se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. (Salm 37:29; Apokalissi 21:3, 4) X’verità meraviljuża mingħand Alla ħanin u kollu mħabba! B’qalbu mimlija gratitudni, Osman irringrazzja lil Jehovah talli ppermettielu jsib il-verità f’post tant mhux tas-soltu.
Ftit jiem wara, bl-għajnuna taʼ xi ħbieb, Osman sab is-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah u attenda llaqgħa għall-ewwel darba. Waqt li kien hemm, staqsa lil Xhud biex jistudja l-Bibbja miegħu. Minkejja l-oppożizzjoni kbira mingħand tal-familja, Osman kompla jagħmel progress spiritwali u tgħammed. (Mattew 10:36) Illum, hu jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. Kemm hi xi ħaġa mill-isbaħ li dan kollu rriżulta minn sejba taʼ pubblikazzjoni tal-Bibbja f’barmil taż-żibel!
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-1968.