Meta Jkun Għaqli li Taħrab
ILLUM, id-dinja hija karatterizzata minn tentazzjonijiet kbar. Hija wkoll maħkuma minn spirtu taʼ ostilità u kuraġġ, li kultant ikun superfiċjali. Xi ħadd li jaħrab minn ċerta sitwazzjoni, ġeneralment jidher li hu dgħajjef jew beżżiegħ. Jistaʼ saħansitra jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt.
Madankollu, il-Bibbja tagħmilha ċara li kultant biex tkun għaqli u kuraġġuż trid taħrab. B’dan f’moħħu, ara x’qalilhom Ġesù lid-dixxipli tiegħu qabel ma bagħathom ixandru: “Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra.” (Mattew 10:23) Iva, id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom jipprovaw jaħarbu minn dawk li jippersegwitawhom. Ma kellhomx jagħmlu xi kruċjata, u jipprovaw jikkonvertu lin-nies billi jużaw il-forza. Il-messaġġ tagħhom kien wieħed taʼ paċi. (Mattew 10:11-14; Atti 10:34-37) Għalhekk, minflok ma jitilfu l-kontroll, il-Kristjani kellhom jaħarbu, jitbiegħdu minn dak li jkun qed iġagħalhom jitilfu l-kalma. B’dan il-mod, huma jkunu żammew kuxjenza nadifa kif ukoll ir-relazzjoni prezzjuża tagħhom maʼ Jehovah.—2 Korintin 4:1, 2, Saydon.
Fil-ktieb tal-Proverbji nsibu eżempju li juri kuntrast. Dan isemmi żagħżugħ li, minflok ma ħarab meta kien qed jiġi ttantat, baqaʼ sejjer wara prostituta “bħal gendus sejjer għall-qatla.” Ir-riżultat? Gwaj kbir għaliex kien ċeda għat-tentazzjoni li poġġietlu ħajtu fil-periklu.—Proverbji 7:5-8, 21-23.
Xi ngħidu jekk tiġi ttantat biex tikkommetti l-immoralità sesswali jew tħabbat wiċċek maʼ xi periklu ieħor li jistaʼ jitfaċċa? Skond il-Kelma t’Alla, x’aktarx li l-aħjar li tagħmel hu li titbiegħed minn dak il-post fil-pront.—Proverbji 4:14, 15; 1 Korintin 6:18; 2 Timotju 2:22.