Għaqlin bil-Mod Tagħhom
“L-ADULTI għandhom għaqal, imma t-tfal huma għaqlin bil-mod tagħhom,” jgħid proverbju Niġerjan. Edwin, anzjan Kristjan fin-Niġerja, sab kemm dan huwa minnu.
Jum wieħed, Edwin sab kaxxa tal-metall taħt l-iskrivanija tiegħu d-dar.
“Taʼ min hi?” staqsa Edwin lit-tlett itfal tiegħu.
“Tiegħi,” wieġbu Emmanuel li għandu tmien snin. Malajr malajr żied jgħidlu li din il-kaxxa tal-ħadid imsadda, li kienet kbira daqs ħames pulzieri kwadri b’xaqq fil-wiċċ, kienet għall-kontribuzzjonijiet tax-xogħol madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Jehovah. “Peress li ma mmurx fis-Sala tas-Saltna kuljum,” spjega hu, “iddeċidejt li nagħmel kaxxa biex fiha nitfaʼ xi flus li s-soltu nonfoq għall-ikel.”
Missier Emmanuel kellu kaxxa d-dar biex iġemmaʼ l-flus ħalli jattendu l-konvenzjoni distrettwali taʼ kull sena. Imma minħabba emerġenza li nqalgħet fil-familja, kellhom jużaw il-flus li kien hemm fiha. Biex ikun ċert li l-flus tal-kontribuzzjoni tiegħu ma jintużawx għal xi skop ieħor, Emmanuel ħa bott qadim għand welder biex jissiġillahulu. Il-welder, x’ħin sar jaf l-iskop għal dan il-bott, għamel kaxxa għal Emmanuel mill-biċċiet tal-metall li kellu. Michael, li għandu ħames snin u li hu ħu Emmanuel, ukoll staqsa għal kaxxa.
Imbellah b’dak li kienu għamlu t-tfal, Edwin staqsiehom għala kienu qalu lill-welder biex jagħmlilhom il-kaxxi. Michael wieġeb: “Jien irrid nitfaʼ xi ħaġa wkoll!”
Mingħajr ma kienu jafu l-ġenituri tagħhom, Emmanuel, Michael, u oħthom taʼ disaʼ snin Uchei, kienu qed iġemmgħu parti mill-flus li jagħtuhom il-ġenituri biex jixtru l-ikel u li ma kinux nefqu, u bdew ipoġġuhom fil-kaxxi. Minfejn ġabuha l-idea? Meta t-tfal tgħallmu jżommu l-affarijiet f’idejhom, il-ġenituri għallmuhom kif jitfgħu xi ħaġa tal-flus fil-kaxxa tal-kontribuzzjonijiet fis-Sala tas-Saltna. Ovvjament, it-tfal tgħallmuha sew il-lezzjoni.
Meta mtlew il-kaxxi, qasmuhom biex jiftħuhom. B’kollox ġemmgħu Lm1.42—li m’hijiex somma żgħira f’pajjiż fejn il-medja taʼ dħul kull sena hija biss taʼ ftit iktar minn mitt lira. Donazzjonijiet volontarji bħal dawn jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah li bħalissa qed isir f’235 pajjiż madwar id-dinja.