Ġenituri Issodisfaw il-Ħtiġijiet taʼ Wliedkom!
IT-TFAL jeħtieġu gwida u dixxiplina bl-imħabba, speċjalment mingħand il-ġenituri tagħhom. L-edukatriċi Brażiljana, Tania Zagury tgħid hekk dwar dan: “It-tendenza taʼ kull tifel u tifla hi li jfittxu kif jiddevertu. Għalhekk, għandhom bżonn il-limiti. Huwa d-dmir tal-ġenituri li jagħmlulhom dawn il-limiti. Jekk ma jagħmlux hekk, it-tfal lanqas ħadd ma jkun jistaʼ jikkontrollahom.”
Madankollu, f’ħafna pajjiżi l-influwenza taʼ soċjetà permissiva, li għaliha l-libertà persunali hija xi ħaġa sagrosanta, tistaʼ tagħmilha diffiċli li jiġi applikat dan il-parir. Allura l-ġenituri lejn min jistgħu jduru għall-għajnuna? Ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla jirrikonoxxu li wliedhom huma “wirt il-Mulej.” (Salm 127:3) Għalhekk, huma jfittxu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, biex tiggwidahom fit-trobbija taʼ wliedhom. Per eżempju, Proverbji 13:24 jgħid: “Min iżomm lura l-bastun jobgħod lil ibnu, imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.”
Il-kelma “bastun” kif użata fil-Bibbja mhux dejjem tfisser xi kastig fiżiku; din tirrappreżenta mezz taʼ korrezzjoni b’diversi modi. Tabilħaqq, taʼ spiss sempliċement erbaʼ kelmiet jistgħu jkunu biżżejjed biex it-tfal li jkunu jridu jagħmlu taʼ rashom jindunaw bl-iżball tagħhom. Proverbji 29:17 jgħid: “Widdeb lil ibnek, u hu jkun l-hena tiegħek; ikun l-għaxqa taʼ qalbek.”
It-tfal jeħtieġu dixxiplina bl-imħabba biex jaqtgħu xi tendenzi li m’humiex tajbin. Korrezzjoni soda u ħanina bħal din turi li l-ġenituri jimpurtahom minn uliedhom. (Proverbji 22:6) Għalhekk ġenituri, agħmlu l-kuraġġ! Jekk issegwu l-pariri għaqlin u prattiċi li hemm fil-Bibbja, intom se togħġbu lil Alla Jehovah u tirbħu r-rispett taʼ wliedkom.