“Narak fis-Saltna t’Alla”
“Għażiż Ħabib! Rupert, illum inqatgħatli għall-mewt. Toqgħodx titnikket minħabba fija. Nibgħat l-imħabba tiegħi lilek u lil kulħadd id-dar. Narak fis-Saltna t’Alla.”
FIT-8 TAʼ ĠUNJU, 1942, Franc Drozg kiteb dan il-kliem ftit minuti qabel ma sparawlu s-suldati Nazisti. Għala ngħata l-mewt?
Skond id-dokumenti fil-Mużew tal-Liberazzjoni Nazzjonali f’Maribor, fis-Slovenja, dan il-ħaddied taʼ 38 sena rrifjuta li jingħaqad mal-Wehrmannschaft. Dan kien grupp paramilitari Ġermaniż fis-Slovenja li dak iż-żmien kienet maħkuma mill-Ġermanja. Hu kien Bibelforscher, jew Student tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufa x-Xhieda taʼ Jehovah f’dawk l-inħawi. Minħabba li ried jaġixxi fi qbil maʼ Isaija 2:4, hu ma riedx jappoġġa l-isforzi tan-Nazi għall-gwerra, u ddikjara li kien sudditu tas-Saltna t’Alla.—Mattew 6:33.
Fi Ptuj, il-belt fejn kien joqgħod, Franc kien magħruf bħala proklamatur żeluż taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Minkejja ħafna diffikultajiet, hu ppriedka l-aħbar tajba bla heda sakemm ġie arrestat f’Mejju taʼ l-1942.
Ħafna Xhieda taʼ Jehovah fis-Slovenja kienu persegwitati bl-aħrax min-Nazi. Franc kien wieħed minn taʼ l-ewwel li ngħata l-mewt minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu. Bħall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, hu ġie msaħħaħ bil-kliem: “Jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna taʼ Alla.” (Atti 14:22) L-aħħar kliem li qal “narak fis-Saltna t’Alla” juri kemm kien reali għalih il-gvern tas-sema.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Franc Drozg: Ritratt tal-Mużew taʼ l-Arkivji tal-Liberazzjoni Nazzjonali f’Maribor, fis-Slovenja; ittra: L-oriġinali miżmuma fil-Mużew tal-Liberazzjoni Nazzjonali f’Maribor, fis-Slovenja