Kun Grat u Kun Ferħan
‘L-ISTINT tal-gratitudni hu esperjenza essenzjali għall-bnedmin,’ qal il-Calgary Herald, ġurnal Kanadiż. Il-Herald ikkwota lil xi studenti taʼ disaʼ snin mill-iskola primarja li l-għalliem tagħhom staqsiehom biex jiktbu dwar l-affarijiet kollha li għalihom kienu grati. Wieħed tifel qal li hu kien grat lejn il-familja tiegħu ‘għax huma ħadu ħsiebu.’ Waħda tifla żgħira wkoll kienet grata lejn il-familja tagħha u qalet: “Huma jipprovduli sigurtà, iżommuni f’saħħti, jieħdu ħsiebi, iħobbuni, jitimgħuni, u li ma kienx għall-ġenituri tiegħi, kieku m’iniex qiegħda hawn fuq din l-art.”
L-ingratitudni twassal għal nuqqas taʼ sodisfazzjon permanenti. Skond il-filosfu-teologu J. I. Packer, “aħna magħmulin biex ngħixu b’tali mod li niddependu minn Alla u minn xulxin.” Dan ifakkarna fil-parir għaqli tal-Bibbja li sar mijiet taʼ snin ilu, li jgħid: “Roddu ħajr.” (Kolossin 3:15) Li nesprimu radd il-ħajr u gratitudni mill-qalb lejn l-oħrajn jgħinna nikkultivaw ħbiberiji fejn kulħadd jieħu ħsieb xulxin.
Barra minn hekk, meta napprezzaw u nistmaw lil xulxin, inkunu qed nuru gratitudni lejn Jehovah, u hu jinnotah dan. Il-Bibbja tgħid: “[Għajnejn Jehovah] jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Alla jiżgurana li hu jiftakar u jgħożż l-imħabba li l-bnedmin juru għal ismu. (Lhud 6:10) Iva, aħna għandna raġuni tajba għalxiex nuru li aħna grati, għax din il-kwalità li ġejja minn Alla, meta nuruha kuljum togħġob lil Jehovah u ġġibilna l-ferħ. Hi bħalma jgħid Proverbji 15:13: “Il-qalb ferħana tagħmel il-wiċċ daħkan.”