Ir-Reliġjon Se Ġġib il-Paċi Dinjija?
BEJN it-28 u l-31 t’Awissu, 2000, fil-Belt taʼ New York iltaqgħu iktar minn 500 rappreżentant reliġjuż minn 73 pajjiż differenti. Dawn il-mexxejja reliġjużi u spiritwali ltaqgħu għas-summit tal-millennju dwar il-paċi dinjija li sar fil-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Il-mexxejja, libsin turbantijiet, ilbiesi twal lewn iż-żagħfran, kpiepel tar-rix, jew imnatar twal suwed, kienu jirrappreżentaw numru kbir taʼ reliġjonijiet differenti. Fosthom kien hemm membri tal-Baħaiżmu, Buddiżmu, Ġajniżmu, Ġudaiżmu, Ħinduiżmu, Islam, Sikhiżmu, Taoiżmu, Xintù, Żoroastrijaniżmu, u reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu.
Għall-ewwel jumejn mill-erbat ijiem tal-konferenza, id-delegati ltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Madankollu, ma kinitx il-Ġnus Magħquda li organizzat din il-konferenza u lanqas ma kienet hi li ħarġet il-flus għaliha, iżda xi fondazzjonijiet oħrajn. Minkejja dan, kemm il-ĠM u kemm il-mexxejja reliġjużi tkellmu dwar l-importanza taʼ li jaħdmu flimkien biex itemmu l-faqar, ir-razziżmu, il-problemi ambjentali, u l-armi li jeqirdu bil-massa.
Id-delegati ffirmaw dokument bit-titlu “Impenn Lejn Paċi Globali.” Filwaqt li rrikonoxxa li l-vjolenza u l-gwerer “kultant isiru f’isem ir-reliġjon,” id-dokument stqarr li dawk li jiffirmawh kienu se “jaħdmu id f’id mal-Ġnus Magħquda . . . f’li jipprovaw jiksbu l-paċi.” Madankollu, ma kien hemm l-ebda riżoluzzjoni speċifika li tagħti ħjiel kif dan jistaʼ jsir.
Fit-tieni jum, Bawa Jain, is-segretarju ġenerali tas-summit, għalaq id-diskors tal-ftuħ tiegħu billi spjega li xi ftit tas-snin qabel, hu kien ra pittura partikulari fil-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Il-pittura tat stampa taʼ raġel itwal mill-bini tas-Segretarjat tal-Ġnus Magħquda, li kien qed iħabbat fuq il-bini qisu kien xi bieb. Taħt il-pittura kien hemm il-kliem: “Prinċep tal-Paċi.” Is-Sur Jain qal: “Malli rajt [il-pittura], din ħalliet effett qawwi fuqi. Staqsejt lil ħafna nies x’kienet tfisser. Illum naħseb li ħadtha t-tweġiba. Il-fatt li intom, il-mexxejja reliġjużi u spiritwali tad-dinja kollha, inġbartu hawn ilkoll flimkien jurini li [intom] il-prinċep tal-paċi li qed iħabbat fuq il-bieb tal-Ġnus Magħquda.”
Il-Bibbja tagħti ħarsa differenti. Hi turi li l-Prinċep tal-Paċi huwa Ġesù Kristu. Hu se jġib il-paċi dinjija, mhux permezz taʼ l-isforzi tal-mexxejja politiċi jew reliġjużi taʼ din id-dinja, iżda permezz tas-Saltna t’Alla. Hija din is-Saltna, il-gvern tas-sema t’Alla, li se jirnexxilha tgħaqqad lill-bnedmin ubbidjenti u ġġiegħel li r-rieda t’Alla ssir fuq l-art.—Isaija 9:5 [9:6, NW]; Mattew 6:9, 10.