Kif Iżommu Sod għall-Pressjoni minn Dawk taʼ Mparhom
IX-XEWQA li tkun aċċettat iġġiegħel lil ħafna jċedu għall-ħsibijiet u l-azzjonijiet taʼ sħabhom. Iż-żgħażagħ b’mod speċjali jeħtieġu l-kuraġġ biex jgħidu le għal prattiċi li jagħmlulhom il-ħsara, bħalma huma l-abbuż tad-drogi u l-immoralità sesswali. Kif jistgħu jżommu sod għall-pressjoni minn dawk taʼ mparhom?
Dan l-aħħar żewġ tfajliet mill-Polonja kitbu: “L-ispirtu tad-dinja qed jidher ċar f’ħafna minn sħabna. Huma jqarrqu waqt il-lezzjonijiet, jitkellmu ħażin, iħobbu l-ilbies taʼ l-aħħar moda, u mużika sfrenata u immorali. Kemm aħna ferħanin li għandna artikli li huma mmirati għalina ż-żgħażagħ u li jipproteġuna mill-influwenza taʼ wħud ribellużi u bla skop!
“M’għandniex kliem biex nesprimu l-gratitudni tagħna għall-artikli fit-Torri taʼ l-Għassa li wrewna li bħala żgħażagħ aħna bżonnjużi u apprezzati. Il-parir Skritturali li rċivejna għenna nidderieġu l-passi tagħna fit-triq it-tajba biex b’hekk nibqgħu nogħġbu lil Alla Jehovah. Aħna konvinti li l-aqwa mod taʼ ħajja huwa li naqdu lil Jehovah lealment.”
Iva, iż-żgħażagħ jistgħu jżommu sod għall-pressjoni minn dawk taʼ mparhom. Billi ‘jħarrġu s-sens [tagħhom] biex jagħżlu,’ iż-żgħażagħ Kristjani jitgħallmu jagħmlu deċiżjonijiet għaqlin li ma jirriflettux “l-ispirtu taʼ din id-dinja” imma minflok jirriflettu “l-Ispirtu taʼ Alla.”—Lhud 5:14, Saydon; 1 Korintin 2:12.