Lezzjoni mill-Baħri
META baħri jbaħħar waħdu bejn sema u ilma jistaʼ jispiċċa bla saħħa. L-għeja tant jistaʼ jkollha effett perikoluż fuq il-baħri mifluġ, li tistaʼ twasslu biex jagħmel xi żbalji jew deċiżjonijiet ħżiena. Għal din ir-raġuni, hu japprezza l-valur taʼ l-ankra. Din isservi biex meta l-baħri jkun irid jistrieħ u jiġi f’tiegħu, ikun jistaʼ jagħmel dan mingħajr il-biżaʼ li jittieħed mal-kurrent. Fl-istess ħin, l-ankra ġġiegħel il-pruwa tipponta lejn ir-riħ u l-mewġ, u żżomm id-dgħajsa fl-iktar pożizzjoni stabbli.
Sewwa sew bħalma l-baħrin jiffaċċjaw diversi perikli fil-baħar, il-Kristjani jiffaċċjaw kontinwament il-pressjonijiet taʼ din id-dinja u jħossu l-bżonn li jistrieħu. Fil-fatt, darba waħda Ġesù rrikkmanda lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” (Mark 6:31) Illum, xi wħud jistgħu jieħdu xi ftit ġimgħat biex isiefru, jew inkella jqattgħu tmiem il-ġimgħa xi mkien biex jistrieħu mal-familja tagħhom. Dawn il-mumenti jistgħu jagħtuk il-ħajja u jsaħħuk mill-ġdid. Kif, iżda, nistgħu nkunu ċerti li f’dawn il-mumenti m’aħna qegħdin niffaċċjaw l-ebda periklu spiritwalment? X’tistaʼ tkun l-ankra spiritwali tagħna li tgħinna nżommu sod u ma nħallux il-kurrent jiħodna miegħu?
Mill-ġenerożità tiegħu, Jehovah pprovdielna xi ħaġa. M’hi xejn ħlief il-Kelma Mqaddsa tiegħu, il-Bibbja. Billi naqrawha kuljum, nistgħu nibqgħu qrib taʼ Jehovah u ma nitbegħdu qatt minnu. Il-pariri tagħha jistgħu jgħinuna nibqgħu sodi, u b’hekk nieqfu kontra t-tentazzjonijiet taʼ Satana u tad-dinja tiegħu. Billi jkollna programm regulari taʼ qari tal-Bibbja, saħansitra meta ma nkunux qed inżommu maʼ l-iskeda tagħna, jistaʼ jservi biex iżommna ankrati spiritwalment.—Ġożwè 1:7, 8; Kolossin 2:7.
Is-salmista jfakkarna li “hieni l-bniedem” li “fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.” (Salm 1:1, 2) Li naqraw il-Kelma t’Alla kuljum se jġibilna r-riżultat “hieni” taʼ li nħossuna verament rifreskati u msaħħin mill-ġdid, lesti biex inkomplu fil-korsa Kristjana tagħna.