Sena Eċċellenti fit-Tqassim tal-Bibbja
ĦAFNA iktar nies minn qatt qabel għandhom Bibbja. Hekk jissuġġerixxi rapport mill-United Bible Societies, għaliex fl-1998 in-numru taʼ Bibbji li tqassmu żdied b’iktar minn nofs miljun fuq is-sena taʼ qabel. B’kollox, ’il fuq minn 585,000,000 Bibbja—sħiħa jew partijiet minnha—tqassmu mal-globu kollu. “Dan għandu għalfejn jinkuraġġina,” jgħid ir-rapport. “Illum ħafna iktar nies qegħdin jintlaħqu bil-Kelma t’Alla.”
M’għandniex xi ngħidu, hemm differenza bejn li jkollok Bibbja u li taqraha. Per eżempju, stħarriġ wieħed irrivela li iktar minn 90 fil-mija taʼ l-Amerikani għandhom minn taʼ l-inqas Bibbja waħda, u daqstant oħra jemmnu li l-Bibbja hija sors tajjeb taʼ tagħlim morali. Madankollu, 59 fil-mija biss qalu li jduru lejn il-Bibbja għall-pariri. U 29 fil-mija ammettew li jew “ma tantx huma familjari” inkella li “m’huma familjari xejn” mal-Bibbja.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah mhux biss jistampaw u jqassmu Bibbji imma jikkonduċu wkoll studji tal-Bibbja fid-djar maʼ nies f’iktar minn 230 pajjiż. U dan jagħmluh bla ħlas. Issa, hemm miljuni mad-dinja kollha li qegħdin jibbenefikaw minn dan il-programm edukattiv tal-Bibbja. Huma jiġu megħjuna biex ikampaw mal-problemi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom issa, u jitgħallmu x’tgħid il-Bibbja dwar futur mill-isbaħ taħt is-Saltna t’Alla.—Isaija 48:17, 18; Mattew 6:9, 10.
[Stampi f’paġna 32]
Studji tal-Bibbja fid-djar (skond l-arloġġ mix-xellug fuq) fil-Bolivja, fil-Gana, fis-Sri Lanka, u fl-Ingilterra