L-Interpretazzjoni tal-Bibbja—Mill-Influwenza taʼ Min?
DEFINIZZJONI waħda tal-kelma “interpreta” hi “li wieħed jifforma opinjoni fid-dawl tat-twemmin, il-ġudizzju, jew iċ-ċirkustanzi taʼ l-individwu.” (Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary) B’hekk, l-interpretazzjoni taʼ dak li jkun dwar kwalunkwe ħaġa normalment hija influwenzata mill-isfond, l-edukazzjoni, u t-trobbija tiegħu.
Iżda xi ngħidu dwar l-interpretazzjoni tal-Bibbja? Ħelsin aħna biex nispjegaw xi siltiet tal-Bibbja skond it-“twemmin, il-ġudizzju, jew iċ-ċirkustanzi” tagħna? Naturalment, il-biċċa l-kbira taʼ l-istudjużi u t-tradutturi tal-Bibbja jistqarru li huma mhux hekk jagħmlu imma li huma gwidati minn Alla.
Eżempju wieħed hu dak li jintqal fin-nota taʼ taħt taʼ Ġwann 1:1 fin-New Version of the Four Gospels, pubblikat fl-1836 minn John Lingard taħt il-psewdonimu “Kattoliku.” Din tgħid: “Nies taʼ kull twemmin reliġjuż isibu l-konferma taʼ l-opinjonijiet partikulari tagħhom fl-Iskrittura Mqaddsa: għax, fil-fatt, m’hijiex l-Iskrittura li tinformahom, imma huma stess li jżidu t-tifsira persunali tagħhom mal-lingwaġġ taʼ l-Iskrittura.”
Għalkemm dan il-punt huwa ġustifikat, x’kienet l-intenzjoni tal-kittieb? Il-kumment tiegħu kien qed jappoġġa l-interpretazzjoni tiegħu taʼ dan il-vers, li ttraduċieh: “Fil-bidu kienet ‘il-kelma;’ u ‘l-kelma’ kienet m’Alla; u ‘l-kelma’ kienet Alla,” verżjoni tipika tat-Trinità.
X’kien li ġiegħel lill-kittieb jittraduċi Ġwann 1:1 bħala appoġġ għad-duttrina tat-Trinità? Hija ‘l-Iskrittura li tinformah’ biex jagħmel hekk? Dan hu impossibbli, għaliex imkien fil-Bibbja ma jinstab it-tagħlim tat-Trinità. Innota x’tgħid The New Encyclopædia Britannica dwar dan: “La l-kelma Trinità u lanqas id-duttrina espliċita ma jidhru fit-Testment il-Ġdid.” Iżjed minn hekk, il-professur E. Washburn Hopkins mill-Università taʼ Yale osserva: “Mid-dehra, għal Ġesù u għal Pawlu, id-duttrina tat-trinità ma kinitx magħrufa; . . . huma ma jgħidu xejn dwarha.”
Allura x’nistgħu nikkonkludu dwar dawk li jappoġġaw interpretazzjoni Trinitarjana taʼ Ġwann 1:1 jew taʼ kwalunkwe vers ieħor fil-Bibbja? Skond il-kriterju taʼ Mr. Lingard stess, “m’hijiex l-Iskrittura li tinformahom, imma huma stess li jżidu t-tifsira persunali tagħhom mal-lingwaġġ taʼ l-Iskrittura.”
X’barka li għandna l-Kelma t’Alla stess biex tiggwidana fuq dan. “Dan fuq kollox għandkom tkunu tafu,” qal l-appostlu Pietru, “li l-ebda profezija taʼ l-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.”—2 Pietru 1:20, 21.