LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 6/15 pp. 27-28
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 6/15 pp. 27-28

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Ladarba l-​proċeduri taʼ sterilizzazzjoni issa jingħad li huma riversibbli jekk wieħed ikun jixtieq, jistaʼ Kristjan iqishom bħala wieħed mill-​metodi taʼ kontraċezzjoni li jistaʼ jagħżel?

L-​isterilizzazzjoni saret l-​iktar metodu taʼ ppjanar tal-​familja wżat minn kulħadd. Ħafna nies mid-​dehra jiddeterminaw kemm din hija aċċettabbli skond l-​isfond soċjali u edukattiv tagħhom, kif ukoll skond l-​opinjoni reliġjuża tagħhom. L-​aspett taʼ twemmin reliġjuż japplika fil-​każ tax-​Xhieda taʼ Jehovah, li għandhom l-​istess xewqa li kellu s-​salmista: “Urini, Mulej, it-​triq tiegħek, mexxini minn mogħdija dritta.” (Salm 27:11) X’inhu involut fi proċeduri taʼ sterilizzazzjoni?

L-isterilizzazzjoni fl-​irġiel għal raġuni taʼ kontraċezzjoni tissejjaħ vażektomija. Żewġ kordi, jew tubi, żgħar taʼ l-​isperma li jinsabu fl-​iskrotu jiġu maqtugħin u imblokkati. Dan jistaʼ jsir b’diversi metodi mediċi, imma l-​iskop hu li jsir impossibbli li l-​isperma tgħaddi minn ġot-​testikoli. L-​isterilizzazzjoni tan-​nisa tissejjaħ tubal ligation (irbit tat-​tubi fallopjani). Din normalment issir billi t-​tubi fallopjani, li jġorru l-​bajd mill-​ovarji sa l-​utru, jinqatgħu u jintrabtu (jew, jinħarqu) sabiex jingħalqu.

Għal ħafna snin, kienu jaħsbu li dawn il-​passi huma permanenti​—li dawn jipproduċu sterilizzazzjoni irriversibbli. Imma xi nies, minħabba li ddispjaċiehom għall-​pass li kienu ħadu, jew minħabba li sabu ruħhom f’ċirkustanzi ġodda, fittxew għajnuna medika biex ireġġgħu lura l-​proċess taʼ vażektomija jew tubal ligation. Bl-​invenzjoni taʼ strumenti speċjalizzati u permezz tal-​mikrokirurġija, attentati biex il-​proċess jiġi rriversjat kellhom iktar suċċess. M’hijiex xi ħaġa stramba li taqra li fil-​każ taʼ ċerti pazjenti, jistaʼ jkun hemm rata taʼ suċċess bejn 50 u 70 fil-​mija fl-​irriversjar tal-​proċess taʼ vażektomija billi jerġgħu jingħaqdu t-​truf maqtugħin tat-​tubi rqaq. Jingħad li fil-​każ taʼ l-​irriversjar tat-​tubal ligation fin-​nisa, ir-​rata taʼ suċċess hija bejn 60 u 80 fil-​mija. Xi wħud li saru jafu b’dan ħassew li l-​isterilizzazzjoni m’hemmx għalfejn jibqgħu jqisuha bħala xi ħaġa permanenti. Forsi jaħsbu li l-​vażektomija u t-​tubal ligation jistgħu jitqiesu bħala li qegħdin fl-​istess kategorija tal-​kontraċettivi orali, il-​kondoms u d-​dijaframmi​—metodi li wieħed jistaʼ jieqaf jużahom jekk tkun mixtieqa t-​tqala. Madankollu, hemm ċerti aspetti li jġagħluk taħseb li m’għandhomx jiġu injorati.

Wieħed minnhom hu li l-​prospetti biex jiġi rriversjat il-​proċess jistgħu jiġu effettwati serjament minn fatturi bħalma huma kemm ħsara tkun saret lit-​tubi waqt il-​proċedura taʼ sterilizzazzjoni, kemm mit-​tubu jkun tneħħa jew baqaʼ mibrux, kemm għaddew snin minn meta saret il-​proċedura, u fil-​każ taʼ vażektomija, jekk tfaċċawx xi antibodies kontra l-​isperma tar-​raġel. U fatt li m’għandux jiġi injorat hu li l-​faċilitajiet għall-​mikrokirurġija għandhom mnejn ma jkunux disponibbli f’ħafna postijiet, jew inkella l-​ispiża għandha mnejn tkun tiswa ħafna flus. B’hekk, ħafna li jkunu ddisprati biex jirriversjaw il-​proċess taʼ sterilizzazzjoni ma jkunux jistgħu. Għalihom din tkun finali.a Għalhekk, ir-​rati msemmijin hawn fuq għal proċessi taʼ rriversjar fir-​realtà huma biss teoretiċi, mhux kalkoli li wieħed jistaʼ joqgħod fuqhom.

Xi fatti huma rilevanti għar-​realtajiet. Artiklu dwar l-​irriversjar tal-​proċess taʼ vażektomija li ġie pubblikat fl-​Istati Uniti kkummenta li wara l-​operazzjoni li tiswa $12,000 [Lm4,615], “63 fil-​mija biss mill-​pazjenti jkunu jistgħu joħorġu lis-​sieħba tagħhom tqila.” Iktar minn hekk, “6 fil-​mija [biss] mill-​irġiel li jagħmlu vażektomija eventwalment ikunu jridu jirriversjaw il-​proċess.” Fi studju li sar fil-​Ġermanja dwar l-​Ewropa ċentrali, madwar 3 fil-​mija taʼ l-​irġiel li għażlu li jiġu sterilizzati iktar tard riedu jirriversjaw il-​proċess. Saħansitra jekk nofs dawn l-​attentati jistgħu jirnexxu, dan ikun ifisser li għal 98.5 fil-​mija minnhom, li jgħaddu mill-​proċess taʼ vażektomija kien ifisser sterilizzazzjoni permanenti. U r-​rata tkun iktar għolja f’pajjiżi fejn hemm ftit jew m’hemm ebda kirurgi li jipprattikaw il-​mikrokirurġija.

Għalhekk, m’hijiex ħaġa realistika li l-​isterilizzazzjoni taʼ l-​irġiel jew tan-​nisa tittieħed ħafif ħafif, bħallikieku hija forma taʼ kontraċezzjoni temporanja. U għal Kristjani sinċieri, hemm aspetti oħrajn x’jiġu kunsidrati.

Punt ċentrali hu li l-​poteri riproduttivi huma rigal mingħand il-​Ħallieq tagħna. L-​iskop oriġinali tiegħu kien jinkludi l-​prokreazzjoni minn bnedmin perfetti, li kellhom ‘jimlew l-​art u jaħkmuha.’ (Ġenesi 1:28) Wara li d-​Dilluvju naqqas il-​popolazzjoni tad-​dinja għal tmienja min-​nies, Alla rrepeta dawk l-​istruzzjonijiet bażiċi. (Ġenesi 9:1) Alla ma rrepetiex dan il-​kmand lill-​ġens taʼ Iżrael, imma għall-​Iżraeliti, li jkollhom nisel kienet xi ħaġa mixtieqa ferm.—1 Samwel 1:1-11; Salm 128:3.

Il-Liġi t’Alla lil Iżrael kien fiha indikazzjonijiet dwar il-​ħarsa tiegħu lejn il-​prokreazzjoni umana. Per eżempju, jekk raġel miżżewweġ kien imut qabel ma jkun laħaq ipproduċa iben biex ikompli d-​dixxendenza tiegħu, ħuh kellu jnissel iben permezz taż-​żwieġ bejn l-​armla u ħu r-​raġel tagħha. (Dewteronomju 25:5) Iktar rilevanti kienet il-​liġi dwar mara li tipprova tgħin lil żewġha waqt ġlieda. Jekk din kienet taqbad lill-​avversarju taʼ żewġha mill-​parti tiegħu, idha kellha tiġi maqtugħa; b’mod sinjifikanti, Alla ma rrikjediex li ssir ħsara bbażata fuq il-​prinċipju t’għajn b’għajn lill-​organi riproduttivi tagħha jew taʼ żewġha. (Dewteronomju 25:11, 12) B’mod ċar, din il-​liġi kellha tqanqal rispett għall-​organi riproduttivi; dawn ma kellhomx jinqerdu għal xejn b’xejn.b

Aħna nafu li l-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi taʼ Iżrael, u għalhekk ir-​regolament f’Dewteronomju 25:11, 12 m’għadhiex obbligatorja għalihom. Ġesù la kkmanda u lanqas implika li d-​dixxipli tiegħu għandhom jiżżewġu u jkollhom tfal kemm jifilħu, ħaġa li ħafna koppji kkunsidrawha meta ġew biex jiddeċiedu jekk jużawx xi metodu taʼ kontraċezzjoni. (Mattew 19:10-12) L-​appostlu Pawlu fil-​fatt inkuraġġixxa lil “nisa li jormlu żgħażagħ” u li jkunu mimlijin passjoni biex ‘jiżżewġu u jnisslu l-​ulied.’ (1 Timotju 5:11-14) Hu ma semmiex l-​isterilizzazzjoni permanenti tal-​Kristjani​—li minn jeddhom jissagrifikaw il-​potenzjal riproduttiv tagħhom li jkollhom it-​tfal.

Il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jiżnu indikazzjonijiet bħal dawn dwar kemm Alla għandu stima kbira għall-​kapaċità riproduttiva tagħhom. Kull koppja trid tiddetermina jekk humiex se jużaw metodi xierqa taʼ ppjanar tal-​familja u meta se jużawhom. Irridu nammettu li d-​deċiżjoni tagħhom tkun partikolarment tqila jekk ikun hemm assiguranzi mediċi kkonfermati li jew l-​omm jew it-​tarbija jiffaċċjaw riskji mediċi serji, saħansitra l-​probabbiltà li jmutu, f’każ li jkun hemm tqala fil-​futur. Xi wħud li sabu ruħhom f’din is-​sitwazzjoni aċċettaw kontra qalbhom li jgħaddu minn proċedura taʼ sterilizzazzjoni bħalma ġie deskritt iktar qabel biex ikunu ċerti li ebda tqala ma thedded il-​ħajja taʼ l-​omm (li għandu mnejn diġà għandha iktar tfal) jew dik tat-​tarbija li forsi titwieled fil-​futur bi problema taʼ saħħa li tkun taʼ theddida għal ħajjitha.

Imma Kristjani li ma jkunux qed jiffaċċjaw riskju mhux tas-​soltu u distint bħal dan ċertament li jixtiequ jkunu “meqjusa [“moħħhom f’loku,” NW]” u jifformaw l-​opinjoni u l-​għemejjel tagħhom skond l-​istima li Alla għandu għall-​potenzjal riproduttiv. (1 Timotju 3:2; Titu 1:8; 2:2, 5-8) Dan ikun jirrifletti sensittività matura għal indikazzjonijiet Skritturali. Madankollu, xi ngħidu jekk isir magħruf pubblikament li Kristjan bi traskuraġni injora l-​mod kif Alla jqis dan? Ma jibdewx oħrajn jiddubitaw jekk huwiex (jew, hijiex) taʼ eżempju tajjeb peress li għandu reputazzjoni li jagħmel deċiżjonijiet fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja? M’għandniex xi ngħidu, tebgħa kerha bħal din fuq ir-​reputazzjoni taʼ xi ħadd tistaʼ teffettwa l-​kwalifiki tiegħu għal privileġġi speċjali taʼ servizz, għalkemm dan jistaʼ ma jkunx jgħodd jekk wieħed għadda minn din il-​proċedura mingħajr ma kien informat sewwa dwar dan.—1 Timotju 3:7.

[Noti taʼ taħt]

a “Attentati kirurġiċi biex jerġgħu jgħaqqdu flimkien il-​[vas deferens] għandhom rata taʼ suċċess taʼ mill-​inqas 40 fil-​mija, u hemm xi evidenza li jistaʼ jinkiseb suċċess akbar permezz taʼ tekniki mikrokirurġiċi mtejbin. Minkejja dan, l-​isterilizzazzjoni permezz tal-​vażektomija għandha tiġi kunsidrata bħala permanenti.” (Encyclopædia Britannica) “L-​isterilizzazzjoni għandha titqies bħala proċedura permanenti. Minkejja dak kollu li l-​pazjent għandu mnejn ikun samaʼ dwar il-​proċess taʼ rriversjar, ir-​reanastomosis tqum ħafna flus, u s-​suċċess ma jistax jiġi garantit. Fil-​każ taʼ nisa li jgħaddu mill-​proċess taʼ rriversjar taʼ l-​isterilizzazzjoni tat-​tubi, dawn ikollhom riskju kbir taʼ tqala ektopika [barra mill-​utru].”​—Contemporary OB/GYN, Ġunju 1998.

b Liġi oħra li għandha mnejn tidher rilevanti kienet tgħid li ebda raġel li l-​ġenitali tiegħu kienu mmankati serjament ma setaʼ jidħol fil-​kongregazzjoni t’Alla. (Dewteronomju 23:2 [Dewteronomju 23:1, NW]) Madankollu, l-​Insight on the Scriptures josserva li evidentement dan “kien jinvolvi emaskulazzjoni apposta għal skopijiet immorali, bħall-​omosesswalità.” Għalhekk, din il-​liġi ma kinitx tinvolvi l-​kastrazzjoni jew l-​ekwivalenti għall-​kontraċezzjoni. L-​Insight jgħid ukoll: “Jehovah, b’mod li jfarraġ, bassar iż-​żmien meta l-​ewnuki kellhom ikunu aċċettati minnu bħala l-​qaddejja tiegħu, u jekk ikunu ubbidjenti, kellu jkollhom isem aħjar minn dak taʼ wlied subien u bniet. Bit-​tneħħija għalkollox tal-​Liġi minn Ġesù Kristu, dawk kollha li jeżerċitaw fidi, minkejja l-​istatus jew kundizzjoni li kellhom qabel, setgħu jsiru wlied spiritwali t’Alla. Id-​distinzjonijiet tal-​ġisem tneħħew.—Is 56:4, 5; Ġw 1:12.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja