Rebħa fuq il-Ħażen
“GĦALA dan il-kelb mejjet qiegħed jisħet lil sidi s-sultan? Ħa mmur u naqtagħlu rasu barra!” Din il-proposta ħareġ biha Abisaj, kap taʼ l-eżerċtu Iżraelit. Kienet ir-risposta kollha għadab tiegħu hekk kif semaʼ lil wieħed Benjamini jismu Simgħi jgħajjar b’mibegħda lil sidu, is-Sultan David.—2 Samwel 16:5-9.
Abisaj kien qed jaġixxi fuq kif jaħsbuha ħafna nies illum—il-prinċipju taʼ kif jagħmluli nagħmlilhom. Iva, Abisaj ried iġiegħel lil Simgħi jsofri talli kien insulta lil David.
Madankollu, x’kienet ir-reazzjoni taʼ David? David rażżan lil Abisaj billi qal: “Ħalluh.” Għalkemm kien bla ħtija mill-akkużi taʼ Simgħi, David b’mod umli rreżista t-tentazzjoni li jirritalja. Minflok, ħalla l-kwistjoni f’idejn Jehovah.—2 Samwel 16:10-13.
Meta David reġaʼ ħa t-tron wara li kien ħeles mir-rewwixta li kien għamillu ibnu u li ma rnexxietx, wieħed minn taʼ l-ewwel li tah merħba u talbu għal maħfra kien Simgħi. Għal darb’oħra Abisaj ried joqtlu, imma David reġaʼ ma ħalliehx.—2 Samwel 19:15-23.
F’dan il-mument, David wera li kien stampa xierqa taʼ Ġesù Kristu, li dwaru l-appostlu Pietru kiteb: “Meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir . . . imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.”—1 Pietru 2:23.
Illum, il-Kristjani huma mwissijin biex ikunu ‘b’qalb umli, ma jroddux deni b’deni.’ (1 Pietru 3:8, 9) Billi nsegwu l-korsa mqegħda quddiemna minn David u Ġesù Kristu, aħna wkoll nistgħu nibqgħu ‘nirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’—Rumani 12:17-21.