L-Awtoritajiet Ifaħħru lix-Xhieda
F’Cádiz, fi Spanja, belt b’port li tinsab madwar 500 kilometru fil-lbiċ taʼ Madrid, is-sindku Doña Teófila Martínez ippreżentat plakka kommemorattiva (murija hawn fuq) lix-Xhieda taʼ Jehovah. Din tgħid hekk: “Il-Kunsill tal-belt taʼ Cádiz lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala turija taʼ l-apprezzament għall-kollaborazzjoni u l-isforzi tagħhom għan-nom taʼ din il-belt.” X’għamlu x-Xhieda biex jirċievu unur bħal dan?
Din ngħatat bħala rikonoxximent għax-xogħol li għamlu x-Xhieda sabiex jirrinnovaw parti mill-istejdjum muniċipali tal-belt. Matul diversi Sibtijiet u Ħdud, mijiet taʼ Xhieda għenu volontarjament biex jirristrutturaw it-tojlits tas-sular t’isfel taʼ l-istejdjum tal-futbol taʼ Carranza. Issa, kulmin juża l-istejdjum jistaʼ jibbenefika mill-katusi, mill-installazzjoni taʼ l-ilma, u mill-materjal li ntuża għall-art.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah issa ilhom għal xi żmien igawdu relazzjoni tajba mal-belt taʼ Cádiz. Kull sena, il-kunsill tal-belt bil-korteżija joffri l-Istejdjum taʼ Carranza lix-Xhieda għall-konvenzjoni distrettwali tagħhom taʼ kull sena. Għaldaqstant, ix-Xhieda jieħdu pjaċir meta jkunu jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu jżommu l-istejdjum f’kundizzjoni tajba.
Flimkien maʼ dan ix-xogħol manwali taʼ kultant, madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah jżuru regolarment l-akkwati tal-belt biex jgħinu lill-pubbliku b’mod ieħor. Huma jipproklamaw l-“aħbar tajba” tas-Saltna t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, huma ma jiħdux sehem fil-ministeru pubbliku tagħhom biex jirċievu t-tifħir mingħand in-nies. Dan jagħmluh biex jobdu l-kmand taʼ Ġesù f’li jippridkaw l-“aħbar tajba tas-saltna” u biex ‘jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’ (Mattew 24:14, NW; Mattew 28:19) B’dan il-mod, ix-Xhieda taʼ Jehovah jisperaw li jaqdu l-komunità billi jedukaw lin-nies fi “triq is-sewwa.”—Proverbji 12:28.