Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Jippridkaw “f’Waqtu u Barra Minn Waqtu”
META l-gwerra infirxet mal-pajjiżi tal-Bosnja u Ħerzegovina, eluf esperjenzaw tbatijiet estremi. Matul dak iż-żmien taʼ prova, ix-Xhieda taʼ Jehovah għamlu kull sforz sabiex jagħtu inkuraġġiment u tama lin-nies. Dawn huma xi siltiet minn ittra miktuba minn Xhud li qeda għal ftit taż-żmien f’Sarajevo.
“Il-ħajja hija iebsa hawnhekk, imma n-nies iwieġbu ħafna għall-verità tal-Bibbja. Ix-Xhieda lokali huma eżempju meraviljuż tal-perseveranza. Ftit li xejn għandhom affarijiet materjali, imma għandhom spirtu eċċellenti. Kważi ż-żgħażagħ kollha ġewwa l-kongregazzjoni jaqdu fil-ministeru full-time. Il-pubblikaturi ġodda jiġu inkuraġġiti minn dan iż-żelu, u hija xi ħaġa normali għalihom li jiddedikaw 60 siegħa jew iktar fix-xahar għall-ministeru, preċiż mill-ewwel xahar tagħhom fis-servizz.
“Minbarra li nippridkaw minn dar għal dar, aħna pprovajna diversi metodi oħrajn sabiex nilħqu lin-nies. Per eżempju, kellna riżultati tajbin f’li nqassmu pubblikazzjonijiet tal-Bibbja fil-ħafna ċimiterji li hemm ġewwa l-belt.
“Wieħed Xhud beda jmur ukoll fl-isptarijiet. Fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija taʼ sptar f’Sarajevo, it-tabib ewlieni aċċetta l-Awake! tat-8 taʼ Diċembru, 1996, li t-tema fuq il-qoxra taʼ barra hi ‘Heart Attack—What Can Be Done?’ Hu staqsa għal iktar kopji sabiex ikun jistaʼ jqassamhom lil tobba oħrajn. Imbagħad, ix-Xhieda ngħataw permess biex iżuru lill-pazjenti kollha fid-dipartiment tiegħu. B’hekk, fi ftit iktar minn siegħa, ’il fuq minn 100 rivista tqassmu minn sodda għal sodda. Ħafna pazjenti qalu li dik kienet l-ewwel darba li xi ħadd mar iżurhom fl-isptar biex joffrilhom inkuraġġiment u tama.
“F’okkażjoni oħra marru jżuru d-Dipartiment tal-Pedjatrija b’artikli tar-rivisti addattati għat-tfal. It-tabiba ewlenija wkoll aċċettat ftit kopji taʼ Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja biex iżżommhom fil-kamra fejn isir il-qari. Issa l-ommijiet li jżuru lil uliedhom fl-isptar jaqrawlhom l-istejjer tal-Bibbja kuljum. Saru wkoll arranġamenti biex imorru għand din it-tabiba fid-dar tagħha.
“F’Sarajevo hemm eluf taʼ suldati tan-NATO [Organizzazzjoni tat-Trattat Nord Atlantiku] taʼ nazzjonalitajiet differenti. Dawn ukoll irċivew xiehda bir-reqqa. Xi drabi, immorru minn vettura tal-gwerra għall-oħra billi nużaw il-ktejjeb Good News for All Nations flimkien mar-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! b’lingwi differenti. Iktar minn 200 rivista tqassmu fil-kwartieri tat-truppi Taljani. Ħaġa taʼ l-iskantament, ħafna suldati Taljani qalu li qatt qabel ma kienu tkellmu max-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, irnexxielna nikkuntattjawhom f’Sarajevo.
“Darba waħda kien hemm vettura tal-gwerra wieqfa fil-ġenb tat-triq. Jien ħabbatt fuq il-vettura bl-umbrella tiegħi, u minnha ħareġ suldat. Offrejtlu t-Torri taʼ l-Għassa bit-titlu fuq il-qoxra taʼ barra ‘Messaġġiera tal-Paċi—Min Huma?’ Is-suldat ħares lejja u staqsieni, ‘Int m’intix xi wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, hux?’ Wara li sar jaf li jien wieħed minnhom, weġibni, ‘Ma nistax nemmen; issibkom hawnhekk ukoll! Hemm xi post fid-dinja fejn m’hemmx Xhieda?’”
L-appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu.” (2 Timotju 4:2) Bħal sħabhom kredenti mad-dinja kollha, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’Sarajevo hekk qed jagħmlu, saħansitra minn sodda għal sodda u minn vettura tal-gwerra għall-oħra!