Attenti mis-Simonija!
XMUN tas-Samarija kien ferm meqjus fil-komunità tiegħu. Kien jgħix fl-ewwel seklu E.K., u n-nies kienu tant imsaħħrin bil-prattika tiegħu taʼ l-arti maġika, li kienu jgħidu dwaru: “Dan il-bniedem hu l-Qawwa taʼ Alla, li jgħidulha l-Qawwa l-Kbira!”—Atti 8:9-11.
Madankollu, wara li Xmun sar Kristjan mgħammed, irrikonoxxa qawwa akbar minn dik li kien juri hu qabel. Kienet il-qawwa li niżlet fuq l-appostli taʼ Ġesù, li għamlithom kapaċi jagħtu lil oħrajn għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu qaddis. Xmun kien tant impressjonat li offra l-flus lill-appostli u talabhom: “Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu.”—Atti 8:13-19.
L-appostlu Pietru ċanfar lil Xmun, billi qallu: “Alla jeqred flusek u lilek magħhom, ladarba ħsibt li bi flusek tistaʼ tixtri don tiegħu! Int ma għandekx x’taqs[am] f’din il-ħaġa, ma għandek ebda jedd għaliha; qalbek m’hijiex sinċiera quddiem Alla!”—Atti 8:20, 21.
Minn dan ir-rakkont Bibliku tiġi l-kelma “simonija,” li kienet ġiet definita bħala “d-dnub tax-xiri jew bejgħ tal-pożizzjonijiet jew promozzjonijiet fil-knisja.” In-New Catholic Encyclopedia tammetti li speċjalment mid-disaʼ sal-ħdax-il seklu “s-simonija nxterdet fil-monasterji, fost il-kleru, fost l-isqfijiet, u saħansitra fil-papat.” Id-disaʼ edizzjoni taʼ The Encyclopædia Britannica (1878) tinnota: “Studju dwar l-istorja tal-konklavi Papali jikkonvinċi lill-istudenti li qatt ma kien hemm elezzjoni fil-knisja li ma ntmessitx mis-simonija, waqt li f’numru kbir taʼ drabi li ġiet ipprattikata s-simonija fil-konklav, din kienet mill-iktar sfiqa, l-iktar sfaċċata u l-iktar fid-dieher.”
Il-Kristjani veri llum iridu joqogħdu ħafna attenti mis-simonija. Per eżempju, xi wħud għandhom mnejn jagħtu tifħir iżżejjed jew rigali ġenerużi lil dawk li jistgħu jagħtuhom iżjed privileġġi. Min-naħa l-oħra, dawk li jistgħu jagħtu privileġġi bħal dawn għandhom mnejn juru favoritiżmu lejn dawk li jistgħu—u spiss ikunu ħerqanin li—jagħtuhom ħafna rigali. Iż-żewġ sitwazzjonijiet jinvolvu s-simonija, u l-Iskrittura tikkundannaha b’mod ċar korsa bħal din. “Indem minn dan il-ħażen tiegħek,” ħeġġeġ Pietru lil Xmun, “u itlob lill-Mulej biex forsi jaħfirlek dan il-ħsieb tiegħek [“[i]l-ħsieb taʼ qalbek,” KŻ]; għax, milli qiegħed nara, int qalbek mimlija mrar u l-ħażen jassrek.”—Atti 8:22, 23.
B’ferħ, Xmun ra s-serjetà tax-xewqa żbaljata tiegħu. Hu talab lill-appostli: “Itolbu intom għalija lill-Mulej, ħalli ma jiġrili [x]ejn minn dan li intom għedtu.” (Atti 8:24) Billi jagħtu kas tal-lezzjoni importanti li fih dan ir-rakkont, il-Kristjani ġenwini jħabirku biex jevitaw kwalunkwe tinġis tas-simonija.