Il-Membri tal-Kleru Kollha Jemmnu Dak li Jgħallmu?
IR-RAĠEL taʼ din il-mara għadu kif miet. Il-qassis tagħha jispjega li żewġha la kien raġel tajjeb biżżejjed biex jitlaʼ s-sema mill-ewwel u lanqas ma kien raġel daqshekk ħażin li jistħoqqlu jintefaʼ fin-nirien taʼ l-infern. Għalhekk, skond il-qassis, hu qiegħed ibati l-kastig sakemm jikkwalifika għas-sema. Il-mara tħallas lill-qassis biex jitlob għal żewġha ħalli ma jdumx wisq ma joħroġ mill-purgatorju. L-armla tinsab kuntenta b’dan u tħoss li l-qassis ukoll jemmen bħalha.
Taħseb li l-armla tkun iddiżappuntata li kieku kellha ssir taf li l-qassis tagħha lanqas biss jemmen bil-kastig wara l-mewt? Ħafna nies iħossuhom mifxulin meta jsiru jafu li għadd kbir mill-membri tal-kleru kważi ma jemmnu fl-ebda ħaġa minn dak li jgħallmu huma stess. Il-gazzetta National Catholic Reporter, waqt li tikkummenta dwar dik li sejħitilha “problema klerikali iktar gravi minn tas-sess,” stqarret: “Fost il-biċċa l-kbira tal-kleru, tant hemm uħud li m’għadhomx jemmnu fl-eżistenza t’Alla jew fit-tagħlim li hemm premjijiet u kastigi jew fl-irxoxt . . . li dan in-nuqqas taʼ twemmin sar parti mill-ambjent tal-kleru, donnu bħaċ-ċpar.”
Knejjes oħrajn jinsabu fl-istess ilma. Stħarriġ li sar fuq vigarji taċ-Church of England irrivela li ħafna minnhom “ma jemmnux f’duttrini fundamentali tal-fidi Kristjana tradizzjonali bħalma huma t-twelid minn verġni, il-mirakli taʼ Ġesù u t-tieni miġja tal-messija,” tirrapporta l-gazzetta Awstraljana, Canberra Times.
George R. Plagenz, kittieb tar-reliġjon, staqsa kif jistaʼ qassis, b’kuxjenza nadifa, jgħid kredu li lanqas biss jemmen fih. Wieħed qassis qal li hu sempliċement ibiddel il-kliem li jiftaħ bih il-kredu, “JIEN nemmen.” Hu qal: “Jien nibda l-kredu billi ngħid, ‘HUMA jemmnu f’Alla l-Missier li Jistaʼ Kollox . . .’” Plagenz sejjaħ ipokresija bħal din “l-akbar logħba taʼ ingann fil-pajjiż.”
B’sogħba, ħafna nies jiddiżappuntaw ruħhom rigward ir-reliġjon in ġenerali meta jaraw dan in-nuqqas taʼ twemmin u taʼ sinċerità min-naħa tal-kleru. Imma dan m’huwiex l-uniku aspett inkwetanti tar-reliġjon illum il-ġurnata. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jmorru l-knisja ġew mgħallmin li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla. Tgħid jissorprendu ruħhom meta jsiru jafu li xi duttrini li ilhom aċċettati mill-knisja m’humiex mgħallmin fil-Bibbja? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra eżempju wieħed.