Sinjali taʼ Gwida fi Triq il-Ħajja
LI KIEKU kont qed tivvjaġġa f’xi triq jew mogħdija li m’intix familjari magħhom, kont tarahom taʼ xkiel is-sinjali taʼ gwida? X’aktarx li le! Żgur li kont tarahom t’għajnuna biex ma titlifx ir-rotta li twasslek fid-destinazzjoni tiegħek.
Iżda xi ngħidu meta niġu biex nivvjaġġaw fi triq il-ħajja? Tistaʼ din tiġi mmaniġġata b’suċċess mingħajr sinjali taʼ gwida? Profeta antik t’Alla ammetta l-limitazzjonijiet taʼ l-umanità f’dan ir-rigward. Hu qal: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
Allura, fejn tistaʼ tinstab din id-direzzjoni hekk bżonnjuża? Is-sors dipendibbli taʼ gwida bħal din hu l-Kreatur tal-bniedem, u s-sinjali taʼ gwida figurattivi jinstabu fil-Bibbja. Jehovah, permezz tal-Kelma tiegħu, jgħid: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’”—Isaija 30:21.
Iva, il-Kelma t’Alla tagħti gwida dipendibbli għal kull aspett tal-ħajja tagħna. (Isaija 48:17; 2 Timotju 3:16, 17) Madankollu, b’sogħba, il-maġġuranza taʼ l-umanità tivvjaġġa fi triq il-ħajja b’mod indipendenti minn direzzjoni divina. (Mattew 7:13) Madankollu, is-sinjali taʼ gwida jibqgħu f’posthom, ma jiċċaqalqux! Se tagħti kashom int waqt li tkun miexi fi triq il-ħajja?