Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Iżżommux Lura Milli Tiddikjaraw l-Aħbar Tajba
META xi esploraturi Ewropej żaru l-Golf tal-Venezwela u l-Lake Maracaibo, ix-xatt kollu kien miżgħud b’għerejjex b’soqfa tat-tiben mibnijin fuq pilastri ġol-baħar baxx. Id-dehra kienet tfakkrek f’Venezja, ġewwa l-Italja, fejn in-nies bnew djarhom maʼ tarf l-ilma. B’hekk, l-esploraturi li kienu jitkellmu bl-Ispanjol semmew dan il-post Venezwela, li jfisser “Venezja Żgħira.”
Illum, f’dan il-pajjiż sabiħ qed isir proġett taʼ bini ieħor, wieħed spiritwali. Hawnhekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma medhijin f’li jiżirgħu ż-żerriegħa tas-Saltna f’kull okkażjoni xierqa. Il-ħsad spiritwali li qed jirriżulta minn dan qed iġib ħafna tifħir lil “Sid il-ħsad,” Alla Jehovah.—Mattew 9:37, 38.
Meta indokratur li jivvjaġġa żar kongregazzjoni fl-istat taʼ Zulia fil-Majjistral tal-Venezwela, ix-Xhieda t’hemmhekk għamlu arranġamenti biex hu u martu jżuru gżira żgħira fil-viċin li jisimha Toas. Kmieni fil-għodu, waqt li kienu qed jistennew fil-kju biex jirkbu l-lanċa għal din il-gżira, Mery, il-mara taʼ l-indokratur li jivvjaġġa ssuġġeriet lill-pijuniera full-time li kienet magħha biex jitkellmu maʼ xi ħaddiema fuq il-lanċa. Din qablet magħha.
Mery marret fuq wieħed mekkanik u ppreżentatlu l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Hi wrietu l-kapitlu “Nibnu Familja Li Tonora Lil Alla,” u mid-dehra kien qed jieħu gost jismaʼ. Imbagħad, Mery spjegatlu li permezz taʼ din il-pubblikazzjoni setaʼ jkollu studju tal-Bibbja ġewwa daru stess. Hu aċċetta l-ktieb, u saru arranġamenti biex xi ħadd ikun jistaʼ jmur għandu.
Ftit taż-żmien wara, f’dawk l-inħawi kien hemm jum t’assemblea speċjali. X’sorpriża ħadet Mery meta rat lil dak il-mekkanik, Senor Nava, hemmhekk, flimkien maʼ martu u ż-żewġ uliedu bniet! Mery staqsiet lil martu x’kienet taħseb fuq l-istudju tagħhom tal-Bibbja bħala familja. It-tweġiba tagħha kienet verament sorprendenti.
“Jien nirringrazzja lil Jehovah li sirna nafu bil-verità,” qalet hi. Imbagħad spjegat. “Meta int kellimt lir-raġel tiegħi, kien għadu kemm telaqni minħabba mara oħra. Tgħidx kemm kien jixrob. Xi drabi meta kien jisker, kien jinsulenta lil kulħadd, ħaġa li l-komunità żgħira taʼ fuq il-gżira xejn ma kienet togħġobhom. Kien jipprattika wkoll l-ispiritiżmu. Madankollu, l-għarfien tal-Bibbja li kiseb permezz taʼ l-istudju għenu jagħmel bidliet enormi f’ħajtu. Qataʼ l-prattiċi maħmuġin kollha li kellu. Il-ġenituri tiegħu, li huma Kattoliċi, baqgħu impressjonati ferm b’dawn il-bidliet. Huma ferħanin li issa huwa raġel u missier responsabbli.”
Senor Nava tgħammed fl-1996 u issa qed jaqdi bħala ministru full-time. Martu, Jenny, tgħammdet fl-1997. Is-sindku tal-belt tant kien impressjonat bil-bidliet li għamel dan il-mekkanik tal-lanċa li hu wkoll talab biex ikollu studju tal-Bibbja. Kemm huma ferħanin dawk l-aħwa li dakinhar ma żammewx lura milli jiddikjaraw l-aħbar tajba waqt li kienu qed jistennew fil-kju!
[Stampi f’paġna 7]
Il-fatt li qasmu l-aħbar tajba mal-mekkanik tal-lanċa ġab riżultati sbieħ