“Ibqgħu Żommu dak li Għandkom”
Grupp taʼ Xhieda kienu qegħdin jippridkaw fuq waħda minn madwar 30 gżira li jifformaw il-Gżejjer Ċikladi tal-Greċja. Waqt li tnejn minnhom kienu qegħdin jippridkaw fi triq minn dar għal dar, iltaqgħu maʼ pulizija li qalilhom imorru miegħu l-għassa. Ftit wara li waslu l-għassa, ċempel it-telefon. Kien il-qassis tar-raħal. “Smajt li hemm ix-Xhieda taʼ Jehovah fir-raħal,” qal hu. “Iva, għandi tnejn hawnhekk,” wieġeb il-pulizija. “Se niġi dritt hemmhekk.” Mit-ton tal-konversazzjoni, l-aħwa saru kemxejn beżgħanin.
Madankollu, malli wasal, il-qassis tbissem, ħadilhom b’idejhom, u qagħad bil-qiegħda fuq siġġu ħdejn il-pulizija. Hekk kif issoktat id-diskussjoni, il-pulizija ħa xejra ġellidija waqt li l-qassis baqaʼ raġunevoli u dħuli. Hu qal lill-pulizija biex ma jċekkinx lix-Xhieda, u żied: “Dawn jistgħu jwieġbu kwalunkwe mistoqsija għaliex jirċievu t-taħriġ fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Ikun iktar faċli li theżheż lid-dinja mill-pedament tagħha milli tbiddel it-twemmin taʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.”
L-għada, waqt li kienu qegħdin jippridkaw, l-aħwa reġgħu ltaqgħu mal-qassis u staqsewh: “Għala kont daqshekk dħuli magħna waqt id-diskussjoni fl-għassa tal-pulizija?” Il-qassis qalilhom li kien midħla taʼ ħafna Xhieda f’Siros u li kien ilu jaqra r-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! għal ħafna snin. Fil-fatt, f’għadd taʼ drabi hu ħa r-rivista Torri taʼ l-Għassa, ħbieha ġo kartonċina mitwija, u wżaha biex jagħti l-priedka tiegħu fil-knisja. Irrimarka hu: “Naħseb li ma kienx ikolli skop fil-ħajja kieku ma kellix il-letteratura tagħkom. Dan hu li jagħtini tama.”
Iktar tard, il-qassis qal lix-Xhieda: “Ħaġa waħda rrid ngħidilkom. Ibqgħu żommu dak li għandkom. Tagħmlux l-iżball li titilquh. Dak li qiegħed ngħidilkom issa huwa l-aqwa priedka li qatt tajt, u dan mhux qed ngħidu b’fommi biss; qed ngħidu b’qalbi kollha.”