Tistaʼ Int Tagħraf it-Tajjeb mill-Ħażin?
“Kont personalment responsabbli għall-qtil taʼ madwar 25 ruħ. . . . Lejl u nhar inġib din id-dehra quddiem għajnejja. Spiss jagħtini ħmar il-lejl. . . . Jiġrili li mmur xi mkien u nara xi wiċċ li jfakkarni f’xi wieħed minn dawk li qtilt. Dan nistaʼ narah tant ċar, bħallikieku ġara llum, issa. . . . Ma nistax naħfer lili nnifsi għall-affarijiet li għamilt.”—V.S.
“Ġejt ikkmandat biex immur hemm ġew u neqred lill-għadu. . . . Ma qgħadtx nirrifletti u naħseb dwar l-għadu bħala li setgħu kienu rġiel, nisa u tfal. . . . Ħassejtni u għadni nħossni li aġixxejt skond kif qaluli, u obdejt l-ordnijiet li tawni u ma nħossx li żbaljajt li għamilt hekk.”—W.C.
FIS-16 taʼ Marzu, 1968, dawn iż-żewġt irġiel ikkwotati hawn fuq ipparteċipaw f’dak li iktar tard kellu jiġi ġġudikat bħala delitt faħxi tal-gwerra. Huma, flimkien maʼ suldati oħrajn, daħlu ġo raħal żgħir Vjetnamiż u biċċru mijiet taʼ pajżana—inkluż nisa, tfal, u rġiel anzjani. Imma innota r-reazzjonijiet li ma jaqblu xejn taʼ dawn iż-żewġ suldati. L-ewwel suldat huwa b’mod ċar itturmentat minħabba dak li għamel. It-tieni wieħed iħoss li l-azzjonijiet tiegħu kienu ġġustifikati. Kif jistgħu tnejn min-nies iwieġbu b’mod daqshekk differenti għall-istess esperjenza?
It-tweġiba għandha x’taqsam mal-kuxjenza—fakultà mogħtija minn Alla li tgħinna nħarsu sinċerament lejna nfusna u niġġudikaw l-azzjonijiet u l-intenzjonijiet tagħna. Il-kuxjenza hija s-sens ġewwieni tagħna taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Xi nies, meta jagħmlu deċiżjonijiet, jirrikorru għall-proverbju, “Ħalli lill-kuxjenza tiegħek tiggwidak.” Sfortunatament, madankollu, il-kuxjenza mhux dejjem tkun taʼ min joqgħod fuqha. Tabilħaqq, ħafna ttolleraw u saħansitra kkommettew atroċitajiet orribbli, u l-kuxjenzi tagħhom assolutament ma niggżuhomx. (Ġwann 16:2; Atti 8:1) Bħalma darba osserva n-novellier Ingliż Samuel Butler, il-kuxjenza “malajr ma tibqax tniggeż lil dawk li ma jixtiqux jagħtu kasha.”
Tistaʼ tafdaha l-kuxjenza tiegħek? It-tweġiba tiddependi ħafna fuq kemm hija mħarrġa sew, bħalma se jurina l-artiklu li jmiss.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Fuq: Xêna tal-gwerra: U.S. Signal Corps photo