Kondotta mill-Aħjar Iġġib Tifħir
IL-gazzetta Taljana La Gazzetta del Mezzogiorno faħħret lix-Xhieda taʼ Jehovah talli ppubblikaw l-artiklu “Matera—Belt Taʼ Għamajjar Uniċi Fl-Għerien.” Dan l-artiklu deher fil-ħarġa taʼ Lulju-Settembru, 1997, tar-rivista Stenbaħ!, li kellha ċirkolazzjoni estensiva f’ħafna lingwi. Din ir-rivista bħalissa qed tiġi tradotta f’81 lingwa u għandha ċirkolazzjoni taʼ iktar minn 19-il miljun kopja madwar id-dinja. Il-gazzetta kkummentat li r-rivista Stenbaħ! stabbiliet ir-rekord tas-sajf “f’dawk li huma kampanji taʼ riklamar biex jippromwovu l-wirt storiku u artistiku tal-belt [taʼ Matera].”
Il-gazzetta faħħret lix-Xhieda f’konnessjoni mal-Konvenzjoni Distrettwali “Fidi fil-Kelma t’Alla” li saret f’Matera fl-1997. L-artiklu nnota li x-Xhieda rnexxielhom “iġibu 4,000 persuna fl-Istadju XXI Settembre [tal-belt] f’nofs is-sajf u taħt xemx tisreġ; ħadu ħsieb it-tindif, it-tibjid, u l-irranġar bażiku taʼ dan iċ-ċentru sportiv (partikolarment il-faċilitajiet tat-tojlit) kompletament bla ħlas, billi ħallsu minn buthom l-ispejjeż għax-xiri tal-materjal neċessarju.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex ikunu ġirien tajbin. (Mattew 22:37-39) Huma jsegwu wkoll it-twissija Skritturali: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, . . . jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.”—1 Pietru 2:12.