‘Qawwi u Konvinċenti’
“MINN għada se nibda nużah fix-xogħol taʼ l-ippridkar, għax l-argumenti li fih huma verament qawwijin u konvinċenti,” kiteb wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah minn Franza. Xhud mill-Istati Uniti kiteb: “Qrajtu immedjatament u għandi sebaʼ mitt sena biex nużah fil-ministeru taʼ l-għalqa, peress li niltaqgħu maʼ ħafna nies li huma apatetiċi u li m’għandhom ebda fiduċja fil-Bibbja.” Dawn x’kienu qed jiddeskrivu? Il-browxer taʼ 32 paġna intitolat Ktieb Għan-Nies Kollha, li nħareġ mill-Watch Tower Society fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Fidi fil-Kelma t’Alla” matul l-1997/98.
Din il-pubblikazzjoni ġiet ippreparata apposta għal udjenza partikulari—dawk li forsi jkunu taʼ edukazzjoni għolja imma li ftit li xejn jafu dwar il-Bibbja. Ħafna minn dawn l-individwi għandhom opinjonijiet fissi dwar il-Bibbja, għalkemm qatt ma qrawha personalment. L-iskop tal-browxer hu li jikkonvinċi lill-qarrej li, minn taʼ l-inqas, il-Bibbja jistħoqqilha li tiġi eżaminata. Il-browxer ma jimponix fuq il-qarrej biex jaċċetta l-opinjoni li l-Bibbja hija mnebbħa minn Alla. Minflok, dan iħalli l-fatti jitkellmu għalihom infushom. Il-kliem m’huwiex imponenti imma huwa ċar u dirett.
Bħalma jindikaw dawn il-kummenti kkwotati hawn fuq, dawk preżenti fil-konvenzjonijiet kienu ħerqanin biex jużaw dan il-browxer fil-ministeru tagħhom taʼ l-għalqa. Per eżempju, fi Franza ġiet organizzata kampanja speċjali taʼ għoti taʼ xiehda għat-23 u l-24 t’Awissu, meta mijiet t’eluf taʼ viżitaturi żgħażagħ minn madwar id-dinja nġabru f’Pariġi għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Madwar 2,500 Xhud (il-biċċa l-kbira minnhom bejn is-16 u t-30 sena) ħallew 18,000 kopja tal-browxer bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Pollakk, u bit-Taljan.
Ejjew nużaw kull mezz biex inqassmu dan il-browxer, Ktieb Għan-Nies Kollha fil-ministeru tagħna. Jalla din il-pubblikazzjoni turi kemm hija imprezzabbli f’li tikkonvinċi lin-nies raġonevoli li għandhom jeżaminaw il-Bibbja huma stess.