“Huwa l-Aħjar Testment il-Ġdid Interlineari Disponibbli”
DAN hu kif Dr. Jason BeDuhn jiddeskrivi The Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures. Hu jispjega:
“Jien għadni kif spiċċajt ngħallem f’kors għad-Dipartiment taʼ l-Istudji Reliġjużi taʼ l-Università taʼ Indjana, ġewwa Bloomington, [l-Istati Uniti] . . . Dan hu primarjament kors fl-Evanġelji. L-għajnuna tagħkom ġiet fil-forma taʼ kopji taʼ The Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures li l-istudenti tiegħi wżaw bħala wieħed mill-kotba taʼ istruzzjoni għall-klassi. Dawn il-volumi żgħar kienu imprezzabbli għall-kors u popolari ħafna maʼ l-istudenti tiegħi.”
Dr. BeDuhn għala juża t-traduzzjoni tal-Kingdom Interlinear fil-korsijiet tiegħu tal-kulleġġ? Hu jwieġeb: “Sempliċement għaliex huwa l-aħjar Testment il-Ġdid interlineari disponibbli. Jien skular imħarreġ tal-Bibbja, familjari mat-test u maʼ l-għodod użati fi studji bibliċi moderni, u, barra minn hekk, m’iniex membru tax-Xhieda taʼ Jehovah. Iżda jien nagħraf pubblikazzjoni taʼ kwalità meta nara waħda, u n-‘New World Bible Translation Committee’ tagħkom għamel xogħlu sewwa. It-traduzzjoni interlineari tagħkom bl-Ingliż hija eżatta u konsistenti sal-punt li tobbliga lill-qarrej biex jagħti konsiderazzjoni serja lill-firdiet lingwistiċi, kulturali, u konċettwali taʼ bejn id-dinja taʼ dawk li jitkellmu bil-Grieg u dik tagħna. In-‘New World Translation’ tagħkom hija taʼ kwalità għolja, traduzzjoni litterali li tevita qerq tradizzjonali fil-fedeltà tagħha lejn il-Grieg. Din hija, f’ħafna modi, superjuri għall-iktar traduzzjonijiet li rnexxew użati llum.”
The Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures hija ppubblikata mix-Xhieda taʼ Jehovah biex tgħin lil dawk li jħobbu l-Kelma t’Alla biex isiru midħla tat-test Grieg tal-Bibbja. Din fiha The New Testament in the Original Greek fuq in-naħa tax-xellug (ikkompilat minn B. F. Westcott u F. J. A. Hort). Traduzzjoni litterali kelma b’kelma bl-Ingliż tinstab taħt il-linji tat-test Grieg. Fil-kolonna dejqa tan-naħa tal-lemin hemm in-New World Translation of the Holy Scriptures, li tippermettilek tqabbel it-traduzzjoni interlineari maʼ traduzzjoni moderna tal-Bibbja bl-Ingliż.