Ifaħħru lill-Ħallieq Tagħhom b’Mod Sieket
INŻUL ix-xemx huwa spettakolari minnu nnifsu. Iżda d-dehra tax-xemx nieżla minn wara din il-muntanja partikulari fl-Alpi Apuani taʼ Toskana, l-Italja, żgur li m’hawnx bħalha.
Meta tiġi osservata minn ċerta distanza, ix-xemx tidher li taqaʼ ġol-muntanja minflok ma tinżel warajha. Għala? Għaliex il-quċċata tal-muntanja għandha arkata naturali li taħsibha mnaqqxa bl-idejn fil-muntanja. Tabilħaqq, dan il-promontorju ħa l-isem mistħoqq taʼ Monte Forato—il-Muntanja Minfuda. Minħabba r-rotazzjoni tad-dinja madwar ix-xemx, dawk li jkunu qegħdin iħarsu minn ġo l-arkata f’żewġ okkażjonijiet biss fis-sena jistgħu jaraw ix-xemx donnha qiegħda taqaʼ fuq Monte Forato.
Bħal karatteristiċi oħrajn tal-ħolqien, is-smewwiet bla ħajja jfaħħru lill-Ħallieq tagħhom. Dan kif? Bl-istess mod bħalma pittura sabiħa tistaʼ ġġib tifħir lill-artist li pproduċieha. Fil-fatt, l-oġġetti fl-ispazju juru l-qawwa, l-għerf, u l-maestà taʼ Jehovah. Bħalma poġġieha s-Salmista, “is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.” (Salm 19:1; Salm 69:35 [Salm 69:34, NW]) Ladarba x-xemx u oġġetti oħrajn bla ħajja jfaħħru lill-Ħallieq tagħhom, kemm iktar għandna nagħmlu dan aħna!—Salm 148:1, 3, 12, 13.