‘Tidħolx F’Madmad Li Mhux Indaqs’
IŻ-żewġ barrin fl-istampa t’hawnhekk għandhom saħħa enormi, li tagħmilhom kapaċi jiġbdu tagħbijiet tqal bla tbatija. Imma nissoponu li wieħed mill-barrin ġie mibdul maʼ ħmar. Ladarba ħmar huwa iżgħar u iktar dgħajjef minn barri, x’aktarx li jirribella billi jtajjar barra t-tiranti li jżommuh f’dan il-madmad mhux indaqs. Għal raġuni tajba, allura, il-liġi t’Alla lil Iżrael stqarret: “La taħratx b’baqra u ħmar flimkien.”—Dewteronomju 22:10.
L-appostlu Pawlu kiteb xi ħaġa simili rigward il-bnedmin. Hu qal: “La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.” (2 Korintin 6:14) Dan għandu speċjalment jinżamm f’moħħna meta niġu biex nagħżlu sieħeb jew sieħba għaż-żwieġ. Iż-żwieġ huwa sħubija permanenti, għax Ġesù Kristu qal: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” (Mattew 19:6) Tant uġigħ taʼ qalb jirriżulta meta koppja miżżewġa ma jkollhiex l-istess twemmin, prinċipji, u għanijiet. Huwa għalhekk ferm raġonevoli li ssegwi t-twiddiba tal-Bibbja li tiżżewweġ biss “fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Li tingħaqad fiż-żwieġ maʼ xi ħadd li m’għandux l-istess twemmin reliġjuż tiegħek jippreżenta problema saħansitra akbar milli tgħaqqad b’madmad barri maʼ ħmar.
Differenza fi twemmin reliġjuż hija biss fattur wieħed li jistaʼ jikkaġuna li koppja tkun taħt madmad li mhux indaqs. Sħab prospettivi—saħansitra taʼ l-istess twemmin—jagħmlu tajjeb li jistaqsu, ‘Għandna aħna l-istess għanijiet? Fejn se ngħixu? Min se jqassam il-paga? It-tnejn li aħna se naħdmu? Xi ngħidu dwar it-tfal? Sejrin it-tjubija u l-konsiderazzjoni jiggvernaw ir-relazzjoni?’
Sa ċertu punt, il-mod kif kwistjonijiet bħal dawn jiġu diskussi jistaʼ jindika jekk madmad hux se jkun indaqs jew mhux indaqs. M’għandniex xi ngħidu, ebda żewġ persuni m’huma kompletament kompatibbli. Fuq kollox, madankollu, jekk żewġ għarajjes jistgħu jiffaċċjaw u jsolvu l-problemi flimkien u jekk jistgħu jżommu l-linji taʼ komunikazzjoni miftuħin, x’aktarx li m’humiex se jkunu taħt madmad li mhux indaqs. (w95 11/15)