Il-Gwida Umana Falliet?
MIN ħalaq kollox? Jekk it-tweġiba tiegħek hija “Alla,” allura inti fi qbil maʼ miljuni li jemmnu f’dak Alla tal-Bibbja, il-Ħallieq.
Madankollu, ħafna li jemmnu f’Alla jsibu diffikultà biex jaċċettaw li hu involut attivament f’li jsolvi l-problemi tal-bniedem. Huwa realistiku li taħseb li Alla għandu programm għaddej li se jġib serħan għall-umanità? Ħafna m’għandhomx evidenza raġonevoli li dan huwa minnu.
Għal eluf taʼ snin, il-bnedmin esperimentaw b’numru bla għadd taʼ metodi biex jgħinu lilhom infushom fit-tfittxija għal soluzzjonijiet, billi jħallu ’l Alla fil-ġenb. Imma l-bnedmin sabuhom is-soluzzjonijiet? Jew il-problemi qegħdin isiru iktar serji u diffiċli biex jirrisolvu ruħhom? Il-bniedem kif qiegħed jimmaniġġja l-problemi urġenti fid-dinja taʼ llum?
Wieħed espert ipoġġiha b’dan il-mod: “Sa mir-Rivoluzzjoni Industrijali, il-pajjiżi żviluppati esplojtaw fuq li esplojtaw ir-riżorsi naturali tad-dinja permezz taʼ mudelli bla sugu taʼ produzzjoni u konsum, bi ħsara għall-ambjent globali, għad-detriment taʼ pajjiżi li qegħdin jiżżviluppaw.”
Il-bniedem ikompli jirrovina l-art. Il-gazzetta Arġentinjana Clarin ikkummentat: “Fit-tieni nofs taʼ dan is-seklu, xenqa ekonomika, nuqqas taʼ attenzjoni, u negliġenza kienu responsabbli għal diżastri kbar li mhux biss ħasdu vittmi umani imma wkoll iddegradaw lill-ambjent, spiss sa limiti bla qies.”
Faqar estrem issa jidher li huwa fattur permanenti fis-soċjetà moderna. Saħansitra l-hekk imsejħin pajjiżi għonja tad-dinja qegħdin iċedu taħt il-piż enormi tal-faqar. Skond The Globe and Mail taʼ Toronto, il-Kanada, huwa stmat illi “terz mill-Kanadiżi kollha se jesperjenzaw il-faqar matul il-korsa taʼ ħajjithom dment li jifilħu jaħdmu.” Il-gazzetta żżid li “l-kollass tal-familji huwa waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-faqar, u din l-inklinazzjoni aċċellerat fi snin riċenti.”
L-abbuż mid-droga huwa sinjal ieħor taʼ soċjetà li qiegħda titmermer. Il-bniedem x’jistaʼ jagħmel dwaru? Evidentement ftit li xejn kollox maʼ kollox. Miljuni jkomplu jesperjenzaw degradazzjoni fiżika, mentali, u morali bħala riżultat dirett taʼ l-abbuż tagħhom min-narkotiċi. U l-problema qiegħda tinfirex b’ħeffa inkontrollabbli.
Ix-xjenzati jidhru li qed jitilfu l-gwerra kontra l-mard. Veru, it-teknoloġija moderna rebħet ħafna battalji. Madankollu, xi proċeduri xjentifiċi fihom infushom ikkontribwew għall-feġġ taʼ tipi taʼ mikrobi perikolużi ġodda li jirreżistu d-drogi.
Il-gvernijiet umani ma jistgħux iwaqqfu l-vjolazzjonijiet tant mifruxin tad-drittijiet umani. Per eżempju, minkejja l-ħafna garanziji u liġijiet ifformulati biex ma jkunx hawn skjavitù, huwa stmat li madwar id-dinja iktar minn mitt miljun ruħ huma sfurzati biex jaħdmu taħt kundizzjonijiet li jammontaw għal xejn inqas minn skjavitù umiljanti.
Imma għala falliet il-gwida umana? Ikkunsidra dawn il-fatturi. Gwida umana tiġi minn nies—nies li għandhom limitazzjonijiet serji. L-esperjenza tagħhom fil-ħajja hi relattivament qasira u ġeneralment limitata minn ċerti kulturi jew ambjenti. L-għarfien tagħhom ukoll huwa limitat. Hi x’inhi l-gwida li jagħtu tirrifletti dawk il-limitazzjonijiet. Bħalma qal l-appostlu Pawlu, “kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla.”—Rumani 3:23.
Fir-realtà l-biċċa l-kbira mill-problemi u d-diffikultajiet li l-parti l-kbira taʼ l-umanità qiegħda tesperjenza huma r-riżultat dirett jew indirett taʼ li qiegħda tinjora l-gwida t’Alla. Fejn, iżda, tistaʼ gwida bħal din tinstab? Alla kif jipprovdilna direzzjoni llum? L-artiklu li jmiss sejjer jikkunsidra t-tweġibiet. (w94 4/15)