Ir-Rabta taż-Żwieġ li Qiegħda Tiddgħajjef
OMM żagħżugħa ħaddnet lit-tarbija tagħha taʼ xahrejn. Imbagħad, b’ferneżija tal-mument, waqqgħetu fl-art. It-tifel miet ftit sigħat wara. “Jien waqqajtu apposta,” qalet l-omm, “għaliex żewġi ma jimpurtahx mill-familja tiegħu.” Minflok ma ddiskutiet il-kwistjoni maʼ żewġha, hi żvogat ir-rabja tagħha fuq it-tarbija innoċenti.
Ftit huma l-ommijiet li jaslu għal miżura estrema bħal din, imma ħafna jaqblu mas-sentimenti tagħha. Qiegħed isir iktar u iktar diffiċli għal koppji miżżewġin biex ikollhom suċċess fiż-żwieġ tagħhom. “Meta l-probabbiltà taʼ suċċess fiż-żwieġ hija baxxa bħalma hi fl-Istati Uniti llum,” igħid il-Journal of Marriage and the Family, “li tikkommetti ruħek bis-sħiħ u bla riżerva għal żwieġ . . . huwa tant perikoluż li l-ebda bniedem totalment f’sensih ma se jagħmel dan.”
F’dawn iż-żminijiet taʼ taqlib, l-immoralità, l-inkompatibilità, id-djun, l-inkwiet mal-kunjati, u l-egoiżmu kollha kemm huma jistimulaw il-ġlied fid-dar, li minn żmien għal żmien iwassal għal divorzju. Tant hi serja s-sitwazzjoni fil-Ġappun li saħansitra l-Knisja Kattolika, li hija magħrufa għall-waqfa soda tagħha kontra d-divorzju, kellha twaqqaf kumitat speċjali biex tiffaċilita d-diskriminazzjoni fost il-Kattoliċi kontra dawk li ddivorzjaw u żżewġu mill-ġdid. Numru li qiegħed dejjem jikber taʼ nies li jmorru l-knisja qegħdin jiġu effettwati minn problemi li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju.
Madankollu, in-numru taʼ divorzji jirrivelaw biss parti żgħira minn problema ferm akbar. Riċerka fl-Istati Uniti turi li hija l-kwalità li qiegħda tiddeterjora tal-ħajja miżżewġa stess li hi l-kaġun taż-żjieda fid-divorzju, iktar milli s-sempliċi xejriet soċjali li jagħmlu d-divorzju iktar faċli. B’inqas sforz u b’inqas impenn, il-ħajja miżżewġa titlef il-ġmiel tagħha. Ħafna għal għajn in-nies jidhru li huma koppja miżżewġa, imma ma jorqdux flimkien, u bil-kemm ikellmu lil xulxin. Xi wħud iħossuhom kif ħassitha l-mara mill-Orjent li xtrat il-qabar separat tagħha stess, billi qalet, ‘Ma rridx li nkun fil-qabar maʼ żewġi.’ Billi ma tistax tiddivorzja lil żewġha issa, hija l-mira tagħha li jkollha divorzju wara l-mewt. Hija ħasra li għalkemm nies bħal dawn m’humiex iddivorzjati, il-ħajja miżżewġa mhix sors taʼ hena għalihom.
Dak kien il-każ taʼ Isao. Hu kien iżżewweġ lill-mara tiegħu b’kapriċċ, u għalhekk ma ħass ebda tqanqil biex jibdel il-mod taʼ ħajja egoistika tiegħu. Għalkemm kien jaqlagħha tajjeb bħala xufier tat-trakkijiet, kien jaħli l-paga tiegħu kollha fl-ikel u x-xorb, u ma kienx jieħu ħsieb il-familja tiegħu. Bħala riżultat, it-tilwim mal-mara tiegħu qatt ma kien jaqtaʼ. “Kull meta l-affarijiet jispiċċaw ħażin għalija,” jiftakar Isao, “kont immur id-dar u niżżvoga r-rabja tiegħi fuq il-familja tiegħi.” Bħal xi vulkan li ma riedx joqgħod kwiet, is-suġġett tad-divorzju kien jiżżbroffa kuljum.
Ħafna rġiel u nisa qegħdin jissaportu żwieġ ħażin. Kemm jekk jiddivorzjaw u kemm jekk ma jiddivorzjawx, m’humiex qegħdin isibu l-hena. Hemm xi triq għalihom biex ikollhom suċċess fiż-żwieġ tagħhom? X’jistaʼ jsir biex isaħħu r-rabta taż-żwieġ tagħhom?