STUDJU 24
L-Għażla tal-Kliem
IL-KLIEM hu għodda b’saħħitha tal-komunikazzjoni. Imma biex kliemna jwettaq skop speċifiku, irridu nagħżluh bil-għaqal. Kelma li tistaʼ tkun xierqa f’okkażjoni waħda jistaʼ jkollha effett ħażin meta ċ-ċirkustanzi jkunu differenti. Jekk espressjoni interessanti ma tintużax b’mod xieraq, din tistaʼ ssir “kelma li tweġġaʼ.” Min juża espressjonijiet bħal dawn jistaʼ sempliċement ikun xi ħadd li ma jaħsibhiex, u għalhekk jirrifletti nuqqas taʼ konsiderazzjoni. Xi termini għandhom tifsira doppja, u waħda minnhom tistaʼ toffendi jew iċċekken lil dak li jkun. (Prov. 12:18; 15:1) Mill-banda l-oħra, “il-kelma t-tajba”—kelma li tinkuraġġixxi—iġġib il-ferħ lill-qalb taʼ min jismagħha. (Prov. 12:25) Biex jinstab il-kliem xieraq irid isir sforz, anki minn bniedem għaqli. Il-Bibbja tgħidilna li Salamun kien jaf dwar il-bżonn li jfittex “kliem pjaċevoli” u “kliem korrett u veru.”—Ekk. 12:10.
B’xi lingwi, ċerti espressjonijiet jintużaw meta jiġu indirizzati wħud akbar fl-età jew li jokkupaw pożizzjoni taʼ awtorità, waqt li espressjonijiet differenti jintużaw meta jiġu indirizzati dawk tal-istess età jew dawk li huma iżgħar. Min jinjora dawn il-manjieri tajbin jiġi kunsidrat bħala maledukat. Ukoll, mhuwiex xieraq li wieħed japplika għalih innifsu espressjonijiet taʼ rispett li d-drawwa lokali tużahom għal ħaddieħor. Rigward li jintwera unur, il-Bibbja tpoġġi livell ogħla minn dak li jistaʼ jkun meħtieġ mil-liġi jew mid-drawwiet lokali. Din tħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jonoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.’ (1 Pt. 2:17) Dawk li jagħmlu dan minn qalbhom ikellmu lil nies taʼ kull età b’tali mod li juruhom rispett.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies li mhumiex Kristjani veri jużaw lingwa li hi pastaża u vulgari. Forsi jħossu li kliem aħrax jenfasizza iktar dak li jgħidu. Jew forsi jużawh sempliċement minħabba li għandhom vokabolarju tassew limitat. Jekk xi ħadd kellu l-vizzju li jitkellem b’dan il-mod qabel ma tgħallem il-mogħdijiet taʼ Ġeħova, għandu mnejn isibha diffiċli biex jaqtaʼ l-vizzju. Madankollu, huwa possibbli. L-ispirtu taʼ Alla jistaʼ jgħin lill-individwu biex jibdel drawwiet bħal dawn. Madankollu, l-individwu jrid ikun lest li jibni vokabolarju mimli kliem tajjeb—kliem li jagħmel il-ġid, li jibni—u mbagħad jużah regolarment.—Rum. 12:2; Efes. 4:29; Kol. 3:8.
Diskors li Jinftiehem Faċilment. Ħtieġa fundamentali għal diskors tajjeb hi li jkun jinftiehem faċilment. (1 Kor. 14:9) Jekk il-kliem li tuża ma jinftihemx mill-ewwel mill-udjenza tiegħek, int issir għalihom bħal xi ħadd li qed jitkellem lingwa barranija.
Xi kliem għandu tifsir speċjalizzat fost nies li jkollhom professjoni partikulari. Termini bħal dawn jistgħu jintużaw minnhom kuljum. Imma jekk tużahom f’sitwazzjoni mhix adattata tistaʼ tfixkel l-abbiltà tiegħek biex tikkomunika. Iktar minn hekk, avolja tuża vokabolarju taʼ kuljum, jekk toqgħod teħel fid-dettalji bla bżonn, is-semmiegħa tiegħek jistgħu sempliċement jibdew jaħsbu fuq affarijiet oħrajn.
Kelliemi li juri konsiderazzjoni jagħżel kliem li jinftiehem anki minn dawk li l-edukazzjoni tagħhom hi limitata mhux ħażin. Biex jimita lil Ġeħova, hu juri konsiderazzjoni għall-“batut.” (Ġob 34:19) Jekk il-kelliemi jħoss li hu neċessarju li juża kelma li mhijiex familjari, imbagħad għandu jużaha b’konnessjoni maʼ frażijiet sempliċi li jagħmlu t-tifsir ċar.
Kliem sempliċi li jintgħażel sew iwassal ideat b’qawwa kbira. Sentenzi qosra u frażijiet sempliċi jinftiehmu malajr. Jistgħu jidħlu bejn sentenzi itwal ħalli t-taħdita ma tkunx bl-iskossi. Imma fejn jidħlu ħsibijiet li trid lill-udjenza tiegħek tiftakarhom b’mod speċjali, ikun aħjar li tagħżel kliem sempliċi u sentenzi qosra.
Varja l-Mod Kif Tesprimi Ruħek u Kun Eżatt fi Kliemek. Hemm ħafna kliem tajjeb minn fejn tagħżel. Minflok ma tuża dejjem l-istess espressjonijiet għal kull sitwazzjoni, uża varjetà taʼ kliem. Imbagħad diskorsok se jkun interessanti u sinifikanti. Kif tistaʼ tkabbar il-vokabolarju tiegħek?
Meta taqra, immarka kwalunkwe kelma li ma tifhimx sew u fittixha f’dizzjunarju. Agħżel ftit minn dak il-kliem u ħabrek biex tużah meta jkun xieraq. Oqgħod attent li tippronunzjah sew u użah f’kuntest fejn se jinftiehem mill-ewwel u mhux sempliċement biex tinġibed l-attenzjoni. Jekk tkabbar il-vokabolarju tiegħek diskorsok se jkun iktar varjat. Imma hemm bżonn l-attenzjoni—meta xi ħadd jippronunzja jew juża ħażin il-kliem, oħrajn jistgħu jikkonkludu li ma jafx fuqiex qed jitkellem.
L-iskop għala nkabbru l-vokabolarju tagħna hu biex ninformaw, mhux biex nimpressjonaw lis-semmiegħa. Diskors komplikat u kliem twil għandhom it-tendenza li jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kelliemi. Ix-xewqa tagħna għandha tkun li naqsmu informazzjoni taʼ valur u li nagħmluha interessanti għal dawk li jisimgħuha. Ftakar il-proverbju Bibliku: “Ilsien l-għorrief jagħmel it-tajjeb permezz taʼ l-għarfien.” (Prov. 15:2) Jekk nużaw kliem tajjeb, kliem adattat li jinftiehem faċilment, niġu megħjunin biex kliemna jġib serħan u jimmotiva minflok ma jkun taʼ dwejjaq u tedjanti.
Hekk kif tkabbar il-vokabolarju, oqgħod attent li tuża l-kliem adattat. Żewġ kelmiet jistaʼ jkollhom tifsir simili imma bi ftit differenzi biex jintużaw f’ċirkustanzi differenti. Jekk tirrikonoxxi dan, se tkun tistaʼ ttejjeb iċ-ċarezza taʼ kliemek u tevita li toffendi lis-semmiegħa tiegħek. Ismaʼ bir-reqqa lil nies li jitkellmu tajjeb. Xi dizzjunarji jniżżlu taħt kull kelma kemm is-sinonimi (kliem li hu simili fit-tifsir, għalkemm mhux identiku) u kemm l-antonimi (kliem li b’xi mod ikun ifisser l-oppost). Għalhekk, mhux biss issib espressjonijiet varjati għall-istess ħsieb imma wkoll differenzi żgħar fit-tifsir. Dan hu tassew taʼ għajnuna meta tkun qed tfittex il-kelma adattata għal ċirkustanza partikulari. Qabel ma żżid kelma fil-vokabolarju tiegħek, kun ċert dwar it-tifsira, kif għandek tippronunzjaha, u meta għandha tintuża.
Espressjonijiet li huma speċifiċi jagħtu stampa iktar ċara minn dawk li huma ġenerali. Kelliemi għandu mnejn jgħid: “F’dak iż-żmien, ħafna nies mardu.” Jew jistaʼ jgħid: “Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, fi ftit xhur, xi 21,000,000 ruħ mietu bl-influwenza Spanjola.” X’differenza tagħmel meta kelliemi jgħid ċar u tond xi jrid ifisser b’“dak iż-żmien,” “ħafna nies,” u “mardu”! Biex tesprimi ruħek b’dan il-mod trid tkun taf il-fatti konnessi mas-suġġett tiegħek kif ukoll trid tagħżel kliemek bir-reqqa.
Jekk tuża l-kelma t-tajba tistaʼ wkoll toħroġ il-punt mingħajr ħafna kliem żejjed. Il-kliem żejjed għandu ħabta jaħbi l-ħsibijiet. Is-sempliċità tagħmilha iktar faċli biex oħrajn jifhmu u jibqgħu jiftakru fatti importanti. Tgħin biex jitwassal l-għarfien eżatt. It-tagħlim taʼ Ġesù Kristu kien jispikka minħabba s-sempliċità tad-diskors. Tgħallem minnu. (Ara l-eżempji mniżżlin f’Mattew 5:3-12 u Marku 10:17-21.) Ipprattika kif tesprimi ruħek fil-qosor bi kliem magħżul sew.
Kliem li Jagħti l-Ħajja u Jżid mas-Sentiment u l-Entużjażmu tat-Taħdita. Int u tkabbar il-vokabolarju tiegħek, taħsibx biss dwar kliem ġdid imma wkoll dwar kliem li għandu karatteristiki partikulari. Pereżempju, ikkunsidra verbi li jesprimu l-entużjażmu; aġġettivi li jagħtu l-ħajja; u espressjonijiet li juru l-imħabba, li fihom ton taʼ qalb tajba, jew li jesprimu l-ħeġġa.
Il-Bibbja mimlija eżempji li fihom dan it-tip taʼ diskors kollu tifsir. Permezz tal-profeta Għamos, Ġeħova ħeġġeġ: “Fittxu dak li hu tajjeb, mhux dak li hu ħażin . . . Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb.” (Għam. 5:14, 15) Il-profeta Samwel iddikjara lis-Sultan Sawl: “Illum Ġeħova ċarrat il-ħakma rjali taʼ Israel minn fuqek.” (1 Sam. 15:28) Meta kellem lil Eżekjel, Ġeħova uża lingwaġġ li ma kienx se jintesa faċilment, billi qal: “Dawk kollha taʼ dar Israel għandhom rashom iebsa u qalbhom iebsa.” (Eżek. 3:7) Biex jenfasizza l-gravità tal-ħażen li wettaq Israel, Ġeħova staqsa: “Jistaʼ l-bniedem jisraq lil Alla? Imma intom tisirquni.” (Mal. 3:8) Meta ddeskriva test tal-fidi f’Babilonja, Danjel iddokumenta b’mod vivaċi li “Nebukadnessar imtela bil-qilla” minħabba li Sidrak, Mesak, u Għabednego ma ridux iqimu x-xbieha tiegħu, allura ordna li jintrabtu u jinxteħtu “fil-forn tan-nar iħeġġeġ.” Biex jgħinna nirrealizzaw kemm kien jaħraq in-nar, Danjel niżżel bil-miktub li s-sultan ġiegħel lill-irġiel tiegħu biex “isaħħnu l-forn seba’ darbiet iktar milli kienu jsaħħnuh is-soltu”—tant kien jaħraq li meta qorbu lejn il-forn, l-irġiel tas-sultan mietu. (Dan. 3:19-22) Meta kien qed ikellem lin-nies f’Ġerusalemm ftit jiem qabel mewtu, Ġesù qal b’sentiment profond: “Kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx. Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.”—Mt. 23:37, 38.
Kliem magħżul tajjeb jistaʼ jwassal stampi ħajjin f’moħħ is-semmiegħa tiegħek. Jekk tuża kliem li jolqot is-sensi, is-semmiegħa tiegħek se “jaraw” u “jħossu” l-affarijiet li titkellem dwarhom, “iduqu” u “jxommu” l-ikel li tirreferi għalih, u “jisimgħu” l-ħsejjes li tiddeskrivi u n-nies li tikkwota. L-udjenza se tkun ħsiebha biss f’dak li tkun qed tgħid għax tgħinha tesperjenzah miegħek.
Kliem li jwassal l-ideat b’mod ħaj jistaʼ jġiegħel lin-nies jidħqu jew jibku. Jistaʼ jagħti tama, billi joħloq f’xi ħadd b’qalbu sewda x-xewqa li jgħix u jqanqal fih l-imħabba għall-Ħallieq tiegħu. Nies madwar id-dinja ġew effettwati profondament mit-tama li tnisslet fihom mill-kliem taʼ siltiet Bibliċi bħal Salm 37:10, 11, 34; Ġwanni 3:16; u Rivelazzjoni 21:4, 5.
Int u taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tal-“ilsir leali u għaqli,” se tosserva varjetà kbira taʼ kliem u frażijiet. (Mt. 24:45) Taqbadx u sempliċement taqrahom u tinsiehom. Agħżel dawk li jogħġbuk, u agħmilhom parti mill-vokabolarju tiegħek taʼ kuljum.
Diskors li Jaqbel mar-Regoli tal-Grammatika. Xi nies jirrealizzaw li diskorshom mhux dejjem ikun fi qbil mar-regoli tal-grammatika. Imma x’jistgħu jagħmlu dwar dan?
Jekk għadek l-iskola, ħu vantaġġ mill-opportunità issa biex titgħallem grammatika tajba u tagħżel kliemek bir-reqqa. Jekk m’intix ċert dwar regola partikulari tal-grammatika, staqsi lill-għalliem tiegħek. Titgħallimx biss ftit grammatika kemm kemm tgħaddi. Int għandek motivazzjoni li studenti oħrajn m’għandhomx. Int trid tkun ministru effettiv tal-aħbar tajba.
Xi ngħidu jekk m’għadekx l-iskola u trabbejt titkellem lingwa li mhijiex dik li tuża issa? Jew forsi ma tantx kellek opportunità biex tieħu edukazzjoni bil-lingwa tiegħek stess. Taqtax qalbek. Minflok, agħmel sforz ġenwin biex titjieb, u dan agħmlu għall-aħbar tajba. Ħafna minn dak li nafu dwar il-grammatika nitgħallmuh billi nisimgħu oħrajn jitkellmu. Għalhekk, ismaʼ b’attenzjoni meta kelliema tal-esperjenza jagħtu t-taħditiet tagħhom. Meta taqra l-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, oqgħod attent għal kif tkun mibnija s-sentenza, il-kliem li jintuża flimkien, u l-kuntest li fih jintuża. Ifforma diskorsok skont dawn l-eżempji tajbin.
Uħud popolari fil-qasam tad-divertiment u l-kant jistgħu jużaw espressjonijiet u modi tad-diskors li jmorru kontra r-regoli tal-grammatika. In-nies għandhom it-tendenza jimitaw individwi bħal dawn. Traffikanti tad-droga u oħrajn li l-istil kollu taʼ ħajjithom hu kriminali jew immorali, spiss ikollhom vokabolarju għalihom u jagħtu tifsir differenti ħafna lill-kliem minn dak li jfisser normalment. Ma jkunx għaqli li Kristjan jimita lil kwalunkwe wieħed minn dawn in-nies. Min jagħmel hekk jiġi identifikat maʼ dawn l-elementi tad-dinja u l-mod taʼ ħajja tagħhom.—Ġw. 17:16.
Ħudha drawwa li titkellem sew kuljum. Jekk tkun traskurat f’diskorsok fil-ħajja taʼ kuljum, tistenniex li se tkun tistaʼ titkellem sew f’okkażjonijiet speċjali. Imma jekk tuża kliem taʼ kwalità tajba fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja taʼ kuljum, se jkun faċli u naturali għalik li titkellem b’dan il-mod meta tkun fuq il-platform jew tagħti xhieda lil oħrajn dwar il-verità.