STUDJU 3
Pronunzja Korretta
MHUX il-Kristjani kollha ħadu edukazzjoni sekulari għal tul taʼ żmien. Anki l-appostli Pietru u Ġwanni kienu deskritti bħala “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Madankollu, huwa importanti li tevita li tnaqqas mill-valur tal-preżentazzjoni tiegħek tal-verità tal-Bibbja minħabba pronunzja ħażina.
Fatturi li Għandek Tqis. M’hemm ebda sett taʼ regoli dwar il-pronunzja li japplika għal-lingwi kollha. Ħafna lingwi jinkitbu b’ittri alfabetiċi. Flimkien mal-alfabet Latin, hemm alfabeti oħrajn bħalma huma ċ-Ċirilliku, l-Ebrajk, il-Grieg, u l-Għarbi. Minflok alfabett, fiċ-Ċiniż miktub jintużaw karattri li jistgħu jkunu magħmulin minn għadd taʼ simboli. Dawn il-karattri spiss jirrappreżentaw kelma jew parti minn kelma. Għalkemm il-Ġappuniż u l-Korean jissellfu miċ-Ċiniż, il-karattri jistgħu jintużaw biex jirrappreżentaw ħsejjes differenti ħafna u jistgħu ma jkollhomx l-istess tifsira.
F’lingwi li għandhom alfabett, il-pronunzja xierqa tirrikjedi l-użu tal-ħoss korrett għal kull ittra jew ġabra taʼ ittri. Meta lingwa bħal din timxi maʼ regoli konsistenti, bħalma hu fil-każ tal-Grieg, l-Ispanjol, u ż-Żulu, il-pronunzja xierqa ma tkunx daqstant diffiċli. Madankollu, l-influwenzi barranin fuq lingwa jistgħu jirriżultaw fi pronunzji li jirriflettu l-oriġini tal-kliem. B’hekk, ittra speċifika jew ġabra taʼ ittri jistgħu jiġu pronunzjati b’iktar minn mod wieħed jew, xi drabi, jistgħu ma jiġu pronunzjati xejn affattu. Jistaʼ jkollok bżonn titgħallem bl-amment l-eċċezzjonijiet u mbagħad tużahom spiss fit-taħdit tiegħek. Biċ-Ċiniż, il-pronunzja xierqa tirrikjedi li wieħed jitgħallem bl-amment eluf taʼ karattri. B’xi lingwi, it-tifsira taʼ kelma tvarja meta jinbidel it-ton. Jekk ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lil dan l-aspett taʼ lingwa tistaʼ twassal ħsibijiet żbaljati.
Jekk il-kliem f’lingwa jkun magħmul minn sillabi, hu importanti li tpoġġi l-aċċent prinċipali fuq is-sillaba t-tajba. Ħafna lingwi li jużaw din l-istruttura għandhom mudell pjuttost regulari taʼ kif jagħtu l-aċċent fuq il-kliem. Bil-Malti ġeneralment l-aċċent prinċipali jaqaʼ fuq l-aħħar sillaba jew fuq taʼ qabel tal-aħħar. Fejn hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-mudell, simbolu tal-aċċent jistaʼ jkun parti mill-kelma miktuba. Dan jgħin biex il-pronunzja xierqa tkun iktar faċli. Madankollu, jekk il-mudell ma jkunx konsistenti, il-problema tkun iktar diffiċli. Sabiex wieħed jirnexxilu jittratta magħha b’suċċess jeħtieġ ħafna tagħlim bl-amment.
F’xi lingwi, il-kliem bl-aċċenti huwa fattur kbir x’tikkunsidra. Dan jinkludi l-marki murijin fuq u taħt ċerti ittri tal-alfabett, bħalma huma: à, è, é, ô, ñ, ō, ŭ, ù, č, ö, ç. Il-marki tal-aċċenti jistgħu jkunu miktubin, jew inkella l-qarrej jistaʼ jkun mistenni li jlissinhom skont il-kuntest li fih tidher il-kelma. Fil-każ tal-aħħar, x’aktarx li jkun hemm bżonn taʼ preparazzjoni bir-reqqa meta tkun inkarigat biex taqra fil-pubbliku.
Rigward il-pronunzja, hemm xi nases li trid tevita. Jekk tkun preċiż iżżejjed tistaʼ tagħti l-impressjoni li m’intix naturali, saħansitra li tippretendiha. L-istess jistaʼ jingħad għall-pronunzja li m’għadhiex tintuża min-nies inġenerali. L-uniku effett se jkun li tinġibed l-attenzjoni lejn il-kelliemi. Mill-banda l-oħra, hu tajjeb li tevita l-estrem l-ieħor taʼ li tuża diskors u pronunzja bi traskuraġni. Xi ftit minn dawn l-affarijiet diġà ġew diskussi fil-kapitlu “Kliem Imlissen Ċar.”
Pronunzja aċċettabbli tal-kliem b’ċerta lingwa tistaʼ tvarja minn pajjiż għal ieħor, saħansitra minn parti taʼ pajjiż għal parti oħra tal-istess pajjiż. Għandu mnejn li persuna minn pajjiż ieħor titkellem il-lingwa tal-lokal b’aċċent partikulari. B’xi lingwi, id-dizzjunarji jistaʼ jkollhom lista taʼ iktar minn pronunzja waħda aċċettabbli għal kull kelma. B’mod speċjali, jekk l-opportunità li kellu individwu għal edukazzjoni sekulari kienet tassew limitata jew jekk il-lingwa li jitkellem issa mhijiex ilsien pajjiżu, hu se jibbenefika bil-kbir billi jismaʼ b’attenzjoni lil dawk li jitkellmu l-lingwa tal-lokal sewwa u mbagħad jimita l-pronunzja tagħhom. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, irridu nitkellmu b’mod li jġib dinjità lill-messaġġ li nippritkaw u li jkun mifhum faċilment min-nies fit-territorju tagħna.
Fid-diskors taʼ kuljum ġeneralment ikun aħjar li tuża kliem li int midħla sew tiegħu. Normalment, il-pronunzja mhix se tkun problema fil-konversazzjoni ġenerali. Madankollu, meta taqra b’leħen għoli, tistaʼ tiltaqaʼ maʼ xi kliem li ma tużax fid-diskors taʼ kuljum. U x-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu ħafna qari b’leħen għoli. Aħna naqraw mill-Bibbja lin-nies meta nagħtuhom xhieda. Xi aħwa rġiel jiġi mitlubin jaqraw il-paragrafi matul l-Istudju tat-Torri tal-Għassa jew l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Huwa importanti li naqraw b’eżattezza u li ma nnaqqsux mill-valur tal-messaġġ minħabba li nippronunzjaw il-kliem ħażin.
Taħseb li xi ismijiet proprji fil-Bibbja huma diffiċli biex tippronunzjahom? Bil-lingwa Maltija, jekk l-isem ikollu l-enfasi prinċipali fuq l-aħħar sillaba, kultant is-simbolu tal-aċċent jidher fuq l-aħħar vokali, bħal pereżempju Ġesù, Ġożwè, u Mosè. Meta l-enfasi taqaʼ fuq is-sillaba taʼ qabel tal-aħħar, l-aċċent qatt ma jkun indikat, bħal pereżempju Malakija, Ħosea, u Timotju. F’każi rari, l-enfasi taqaʼ fuq it-tielet aċċent mill-aħħar, bħal pereżempju Għabednego, Melkisedek, u Żerubbabel.
Modi Biex Isir Titjib. Ħafna wħud li għandhom problema bil-pronunzja mhumiex konxji tagħha. Jekk l-indokratur tal-iskola jiġbidlek l-attenzjoni lejn xi aspetti tal-pronunzja tiegħek li għandhom bżonn jitjiebu, apprezza l-qalb tajba tiegħu. Ladarba tkun taf bil-problema, kif tistaʼ titjieb?
Mod wieħed kif tistaʼ ttejjeb il-pronunzja huwa billi taqra quddiem xi ħadd ieħor—xi ħadd li jippronunzja l-kliem sewwa—u titolbu jikkoreġik meta tiżbalja.
Mod ieħor kif tistaʼ ttejjeb il-pronunzja huwa billi tismaʼ b’attenzjoni lil kelliema tajbin. Jekk it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, ir-rivisti It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ!, jew xi letteratura oħra huma disponibbli fuq CD jew biex tniżżilhom minn fuq l-Internet, agħmel użu tajjeb minnhom. Int u tismaʼ, ħu nota tal-kliem li jiġi pronunzjat b’mod differenti mill-mod kif kieku tippronunzjah int. Niżżlu bil-miktub, u pprattikah.
F’ħafna lingwi huwa possibbli li tfittex f’dizzjunarju, ktieb li jgħidlek kif tispelli u tippronunzja l-kliem u jagħtik it-tifsira. Jekk dan hu l-każ bil-lingwa tiegħek, fittex il-kliem li ma tafx. Jekk m’intix imdorri tuża dizzjunarju, iftaħ il-paġni tal-bidu għal spjegazzjoni tas-simboli li jintużaw jew, jekk hemm bżonn, itlob lil xi ħadd jispjegahomlok. Id-dizzjunarju se jurik fejn għandek tpoġġi l-enfasi f’kelma. Xi drabi, kelma tistaʼ tiġi pronunzjata b’iktar minn mod wieħed, jiddependi mis-sitwazzjoni li fiha tkun qed tintuża. Tkun liema tkun il-kelma li tfittex, għidha b’leħen għoli għal diversi drabi qabel ma tagħlaq id-dizzjunarju. Maż-żmien, diskorsok se jkun ħieles mill-iżbalji fil-pronunzja, u għalhekk se jitjieb bil-kbir.