LEZZJONI NRU. 5
Il-Ħbieb t’Alla Se Jgħixu f’Ġenna ta’ l-Art
Il-Ġenna ta’ l-art mhux se tkun bħad-dinja li qed ngħixu fiha issa. Alla qatt ma ried li l-art tkun mimlija bl-inkwiet u n-niket, bl-uġigħ u s-sofferenza. Fil-futur, Alla se jagħmel l-art ġenna. Kif se tkun din il-Ġenna ta’ l-art? Ejja naraw x’tgħid il-Bibbja:
Nies tajbin. Il-Ġenna ta’ l-art se tkun id-dar tal-ħbieb t’Alla. Huma se jagħmlu l-ġid lil xulxin. Se jgħixu skond il-mogħdijiet twajbin t’Alla.—Proverbji 2:21.
Abbundanza ta’ ikel. Fil-Ġenna ta’ l-art, mhux se jkun hemm ġuħ. Il-Bibbja tgħid: “Ikun kotran il-qamħ [jew, l-ikel] fuq l-art.”—Salm 72:16.
Djar mill-aħjar u xogħol pjaċevoli. Fuq l-art magħmula Ġenna, kull familja se jkollha d-dar tagħha stess. Kulħadd se jagħmel xogħol li jġib ferħ veru.—Isaija 65:21-23.
Paċi mad-dinja kollha. In-nies mhux se jibqgħu iktar jiġġieldu u jmutu fil-gwerer. Il-Kelma t’Alla tgħid: “[Alla] iwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.”—Salm 46:9, 10 [46:8, 9, NW].
Saħħa tajba. Il-Bibbja twiegħed: “Ħadd minn min jgħammar hemm [fil-Ġenna ta’ l-art] ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Ukoll, ħadd ma se jkun zopp, agħma, trux, jew mutu.—Isaija 35:5, 6.
Tmiem għall-uġigħ, niket, u mewt. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.”—Apokalissi 21:4.
In-nies il-ħżiena se jinqerdu. Jehovah jwiegħed: “[I]l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:22.
In-nies se jkunu jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Mhux se jkun hemm iktar inġustizzja, moħqrija, regħba, u mibegħda. In-nies se jkunu magħqudin u se jgħixu fi qbil mal-mogħdijiet twajbin t’Alla.—Isaija 26:9.