Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Kif Nistaʼ Nirreżisti t-Tentazzjoni?
◼ Karen m’ilhiex iktar minn għaxar minuti l-party meta tara żewġ subien ġejjin qed iġorru boroż kbar tal-karti. X’hemm f’dawn il-boroż m’huwiex misteru. Iktar kmieni kienet semgħet lil dawn is-subien jgħidu li se jkun hemm ħafna xorb alkoħoliku f’dan il-party. M’għandniex xi ngħidu, Karen ma semmiet xejn dwar dan lill-ġenituri tagħha. Hi ħasbet bejnha u bejn ruħha li s-subien kienu biss qed jiċċajtaw. Wara kollox, suppost kellu jkun hemm xi adulti f’din id-dar—xi mkien.
F’daqqa waħda, minn warajha, Karen tismaʼ leħen familjari. “X’int tagħmel bil-wieqfa hemm? Tħassarx festi ta!” Karen iddur u tara lil ħabibitha Jessica, b’żewġ fliexken birra f’idejha li kienu għadhom kif infetħu. Jessica żżomm flixkun quddiem wiċċ Karen u tgħidilha, “Issa tgħidlix li għadek żgħira wisq biex tieħu ftit pjaċir!”
Karen trid tirrifjuta. Imma l-pressjoni biex taċċetta hija iktar qawwija milli stenniet. Karen ma jimpurtahiex mill-alkoħol. Huwa sempliċement minħabba li Jessica hija l-ħabiba tagħha, u Karen ma tridx tidher bħala waħda li tħassar il-festi, kif qaltilha Jessica. Barra minn hekk, Jessica hi tifla sew. U jekk hi qiegħda tixrob, allura x’hemm ħażin jekk Karen tixrob ukoll? ‘Mhux daqsxejn taʼ birra!’ tgħid Karen lilha nfisha. ‘Mhux bħal meta tieħu d-drogi jew tagħmel is-sess.’
META tkun għadek żgħir, it-tentazzjoni tiġi b’diversi modi. Spiss, dan jinvolvi s-sess oppost. “It-tfajliet fl-iskola huma persistenti,” jgħid Ramona taʼ 17-il sena. “Jieħdu pjaċir imissuk u jaraw sa fejn se tħallihom jaslu. Huma ma jkunux iridu jieqfu!” Deanna, li wkoll għandha 17-il sena, kellha esperjenza simili. “Ġuvni wieħed ġie fuqi u poġġa idejh madwari,” tgħid hi. “Tajtu daqqa sew f’idu u għedtlu, ‘X’int tagħmel? Lanqas biss nafek!’”
Int ukoll tistaʼ tiffaċċja tentazzjonijiet, u jistaʼ jidher li l-pressjonijiet qatt m’huma se jieqfu. Bħalma qal wieħed Kristjan, “it-tentazzjoni hija bħal meta xi ħadd kontinwament iħabbat fuq il-bieb tiegħek avolja tipprova tinjorah.” Tismaʼ int dik it-taħbita iktar spiss milli tixtieq? Per eżempju, tħajrek xi waħda minn dawn li ġejjin?
□ Tpejjep
□ Tieħu xorb alkoħoliku
□ Tieħu d-drogi
□ Tara l-pornografija
□ Tieħu sehem f’sess immorali
□ Affarijiet Oħrajn ․․․․․
Jekk immarkajt xi waħda minn dawn t’hawn fuq, tikkonkludix li ma tistax tkun Kristjan. Int tistaʼ tikkontrolla x-xewqat ħżiena u tirreżisti t-tentazzjoni. Kif? Ikun t’għajnuna li tirrikonoxxi xi jwassal għat-tentazzjoni. Ikkunsidra tliet fatturi.
1. L-imperfezzjoni. L-inklinazzjoni biex nagħmlu dak li hu ħażin hija komuni fost il-bnedmin imperfetti kollha. Saħansitra l-appostlu Pawlu—Kristjan matur—ammetta b’onestà: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rumani 7:21) B’mod ċar, saħansitra l-iktar persuna retta, xi drabi, tagħti attenzjoni lix-“xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn.” (1 Ġwanni 2:16) Imma l-ħsibijiet kontinwi dwar it-tentazzjonijiet sempliċement jiggravaw is-sitwazzjoni, għax il-Bibbja tgħid: “Meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub.”—Ġakbu 1:15.
2. Influwenzi barra l-familja. It-tentazzjoni ssibha kullimkien. “In-nies il-ħin kollu jitkellmu dwar is-sess, kemm fl-iskola u kemm fuq ix-xogħol,” tgħid Trudy. “Fuq it-televixin u fil-films, dejjem jagħmluh jidher sabiħ u eċċitanti. Rari tara l-konsegwenzi koroh tiegħu!” Mill-esperjenza, Trudy taf kemm jistgħu jkunu b’saħħithom influwenzi bħal dawn. “Taʼ 16-il sena ħsibt li sirt inħobb lil xi ħadd,” tirrakkonta hi. “Ommi poġġiet bil-qiegħda miegħi u qaltli li jekk kont se nibqaʼ sejra hekk se nispiċċa noħroġ tqila. Tkexkixt meta ommi qaltli hekk! Xahrejn wara ħriġt tqila.”
3. “Xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija.” (2 Timotju 2:22) Din il-frażi tistaʼ tinkludi kwalunkwe xewqa li ż-żgħażagħ spiss ikollhom, bħax-xenqa qawwija li jiġu aċċettati jew ix-xewqa li oħrajn iqisuhom bħala adulti. Dawn ix-xewqat m’humiex ħżiena fihom infushom, imma jekk ma jiġux kontrollati, jistgħu jagħmlu t-tentazzjoni iktar diffiċli biex tirreżistiha. Per eżempju, ix-xewqa kbira biex tiġi meqjus bħala adult tistaʼ maż-żmien iġġiegħlek tiċħad il-valuri tajbin li ġejt mgħallem id-dar. Hekk ġralu Steve meta kellu 17-il sena. Hu jgħid, “Jien irribellajt kontra l-ġenituri tiegħi u għamilt dak kollu li huma stess għallmuni biex ma nagħmilx—għamilt dan kollu ftit wara li tgħammidt.”
M’għandniex xi ngħidu, l-influwenzi li ssemmew qabel huma qawwijin. Minkejja dan, int tistaʼ tirreżisti t-tentazzjoni. Kif?
◼ L-ewwel, identifika l-iktar tentazzjoni li hija diffiċli għalik biex tirreżistiha. (Jistaʼ jkun li diġà għamilt dan hawn fuq.)
◼ Imbagħad, staqsi lilek innifsek, ‘Meta hu l-iktar probabbli li jkolli din it-tentazzjoni?’ Immarka waħda minn dawn li ġejjin:
□ Waqt l-iskola
□ Waqt ix-xogħol
□ Meta nkun waħdi
□ Drabi oħrajn ․․․․․
Il-fatt li tkun taf meta huwa l-iktar probabbli li tiġi tentazzjoni jistaʼ saħansitra jgħinek tevitaha għalkollox. Per eżempju, ikkunsidra s-sitwazzjoni immaġinarja li ġiet msemmija fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Xi twissija kellha Karen li kien se jkun hemm il-periklu fil-party li attendiet? Kif setgħet hi tevita għalkollox it-tentazzjoni?
◼ Issa li (1) identifikajt it-tentazzjoni u (2) iddeterminajt meta x’aktarx se tiġri, tinsab lest biex tieħu azzjoni. L-ewwel prijorità hi li tara kif se tnaqqas jew telimina kwalunkwe ħaġa li ġġibek fit-tentazzjoni. Ikteb hawn taħt x’tistaʼ tagħmel.
․․․․․
․․․․․
(Eżempji: Jekk wara l-iskola tiltaqaʼ regolarment maʼ sħabek taʼ l-iskola li jħeġġuk biex tpejjep magħhom, forsi tistaʼ tbiddel it-triq biex tevitahom. Jekk spiss tirċievi pornografija fuq l-Internet avolja ma tridhiex, forsi tistaʼ tikkunsidra li tinstalla programmi li jimblokkaw is-sors tagħha u s-siti kollha li huma simili. Ukoll, tistaʼ tkun iktar speċifiku meta tittajpja l-kliem li trid tuża biex tfittex fil-“Web site.”)
M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tevita t-tentazzjonijiet kollha. Illum jew għada, int x’aktarx li se tiffaċċja ġibda partikolarment qawwija—forsi meta l-inqas tkun qed tistennieha. X’tistaʼ tagħmel dwar dan?
Kun preparat. Meta Ġesù “ġie ttantat minn Satana,” hu mill-ewwel irrifjuta. (Marku 1:13) Għala? Għaliex hu diġà kien jaf x’kellu jagħmel dwar il-kwistjonijiet li nqalgħu. Aħseb dwar dan. Ġesù ma kienx robot. Hu setaʼ ċeda għat-tentazzjoni. Imma diġà kien determinat li jobdi dejjem lil Missieru. (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù kien tassew sinċier meta qal: “Jien ma nżiltx mis-sema biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 6:38.
Ikteb fl-ispazju t’hawn taħt żewġ raġunijiet għala għandek tirreżisti t-tentazzjoni li spiss tiffaċċja u żewġ modi kif se tirreżistiha.
1. ․․․․․
2. ․․․․․
Ftakar li meta ċċedi għat-tentazzjoni, int issir ilsir tax-xewqat tiegħek. (Titu 3:3) Għala għandek tħalli lilek innifsek tiġi kontrollat mix-xewqat qawwijin tiegħek? Kun matur biżżejjed billi tikkontrolla x-xewqat tiegħek minflok ma tħalli lilhom jikkontrollawk.—Kolossin 3:5.
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq il-Web site www.watchtower.org/ype
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
AĦSEB DWAR DAN
◼ Jistgħu ħlejjaq perfetti jiġu ttantati?—Ġenesi 6:1-3; Ġwanni 8:44.
◼ Meta tirreżisti t-tentazzjoni, x’effett ikollha l-lealtà tiegħek fuq oħrajn?—Proverbji 27:11; 1 Timotju 4:12.
[Kaxxa f’paġna 27]
IPPROVA DAN L-ESPERIMENT
Aqbad boxxla u poġġieha b’tali mod li l-labra tipponta lejn it-tramuntana. Issa poġġi kalamita mal-ġenb tal-boxxla. X’jiġri? Il-labra m’għadhiex tagħti d-direzzjoni eżatta. Minflok daret lejn il-kalamita.
Il-kuxjenza tiegħek hi bħal din il-boxxla. Jekk tħarriġha kif suppost, din se tipponta lejn it-“tramuntana,” jiġifieri, fid-direzzjoni t-tajba, u tgħinek tagħmel deċiżjonijiet għaqlin. Imma s-sħubija taʼ ħsara, bħal kalamita, tiġbdek b’tali mod li tgħawweġ il-ġudizzju morali tiegħek. It-tagħlima? Ipprova evita nies u sitwazzjonijiet li jistgħu jgħawġulek is-sens morali tiegħek!—Proverbji 13:20.
[Kaxxa f’paġna 27]
SUĠĠERIMENT
Ippjana minn qabel xi tweġibiet li tistaʼ tuża meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jipprova jħajrek tagħmel il-ħażin. Tinkwetax. M’għandekx għalfejn tagħmel xi ħaġa li se tagħmlek tidher superjuri. Spiss, kulma għandek tagħmel hu li tiċħad b’konvinzjoni. Per eżempju, jekk sieħbek taʼ l-iskola joffrilek sigarett, tistaʼ tgħidlu: “Taħlihx fuqi. Jien ma npejjipx!”
[Stampa f’paġna 28]
Meta ċċedi għat-tentazzjoni, int issir ilsir tax-xewqat tiegħek