Ħafna Għala Jħossuhom Waħedhom?
FIS-SOĊJETÀ taʼ llum, ħafna jħossuhom waħedhom. Nies taʼ kull età, kull razza, kull livell soċjali, u kull twemmin, jiġu effettwati. Int qatt ħassejtek hekk? Qiegħed tħossok hekk issa? Fir-realtà, xi darba jew oħra lkoll kemm aħna ħassejna li għandna bżonn il-kumpanija taʼ xi ħadd—xi ħadd li joqgħod jismagħna, iqawwilna qalbna jew jekk jistaʼ jkun jaqbel mas-sentimenti profondi tagħna jew mal-ħsibijiet ġewwinin tagħna, u jifhimna bħala persuni. Aħna għandna bżonn lil xi ħadd li jimpurtah mill-emozzjonijiet tagħna.
Imma ma jfissirx li jekk inkunu waħedna bilfors se nħossuna waħedna. Xi ħadd jistaʼ jkun waħdu għal żmien twil, waqt li jieħu pjaċir bl-affarijiet li jagħmel, mingħajr ma jħossu waħdu b’xi mod. Mill-banda l-oħra, hemm dawk li ma jissaportux il-fatt li jkunu waħedhom.
Is-solitudni hija sentiment qawwi, u tistaʼ tikkaġuna wġigħ kbir. Tħossok vojt u maqtugħ għalik, imwarrab minn nies oħrajn. L-emozzjonijiet jistgħu jiddgħajfu u tibda tibżaʼ. Qatt ħassejtek hekk? Wieħed għala jibda jħossu waħdu?
Il-problemi, is-sitwazzjonijiet, u l-kundizzjonijiet jeffettwaw lin-nies b’modi differenti. Forsi tħossok rifjutat minn sħabek minħabba d-dehra fiżika, ir-razza, jew ir-reliġjon tiegħek. It-tibdil fl-ambjent—per eżempju jekk tattendi skola ġdida, tibda xogħol ġdid, jew tmur toqgħod f’raħal, belt, jew pajjiż ġdid—jistaʼ jġib sens taʼ solitudni minħabba li tkun ħallejt warajk lil dawk li jkunu ilhom ħbieb tiegħek. It-telfa taʼ xi ġenitur jew tar-raġel jew il-mara tistaʼ tikkaġuna s-solitudni, forsi għal ħafna snin. Ukoll, aħna u nikbru, il-grupp taʼ ħbieb jew nies li nkunu nafu jinbidel, jonqos, jew jisparixxi.
Meta wieħed ikun miżżewweġ mhux bilfors jeħlisha mis-solitudni. Jekk tnejn ma jkunux jifhmu lil xulxin jew ma jkunux jaqblu flimkien jistaʼ jinħoloq ċertu stress li jwassal għall-inċertezza. Saħansitra jistaʼ jiġri li l-miżżewġin u t-tfal jinqatgħu għalihom. Imma minbarra s-solitudni kaġunata mill-mewt taʼ xi ħadd maħbub, mid-divorzju, jew mill-iżolament fiżiku jew emozzjonali, hemm tip ieħor taʼ solitudni li tistaʼ teffettwana profondament. Din tiġi meta r-relazzjoni tagħna m’Alla tiddgħajjef u nħossuna maqtugħin minnu.
Qatt kont f’xi sitwazzjoni li ssemmiet hawn fuq? Jistaʼ jirnexxilek tkampa mas-solitudni?
[Stampi f’paġna 4]
It-tibdil fil-ħajja, minn skola ġdida sat-telfa taʼ sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ, jistaʼ jikkaġuna s-solitudni