Affarijiet Fundamentali biex Żwieġ Jirnexxi
“Ftit qerq: dan hu fundamentali biex relazzjoni romantika tirnexxi,” tgħid La Presse. Il-gazzetta Kanadiża kienet qiegħda tirrapporta dwar studju li pinġa l-gideb bħala kwalità sabiħa. L-istudju ġie pubblikat fil-Journal of Social and Personal Relationships (Ġurnal tar-Relazzjonijiet Soċjali u Persunali). Il-professur Tim Cole, mill-Università De Paul, f’Chicago, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika, jgħid: “Billi nqarrqu [jew nigdbu] ftit, nistgħu nippreservaw il-benefiċċji taʼ relazzjoni [romantika] mingħajr ma nipperikolawha.”
Madankollu, huwa l-qerq tassew fundamentali biex żwieġ jirnexxi? Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: “Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri taʼ xulxin.” (Efesin 4:25) Huwa siewi dan il-parir? Meta prokuratur tad-divorzju ġie mistoqsi, X’inhi waħda mill-iktar raġunijiet li għaliha l-koppji jisseparaw? hu wieġeb: “Għaliex ma jafux ikunu onesti maʼ xulxin, juru lil xulxin kif qed iħossuhom u x’inhuma l-ħsibijiet tagħhom, u kif jittrattaw lil xulxin bħala ħbieb tal-qalb.”
Għalhekk, x’inhu s-sigriet għal żwieġ hieni? Kapitlu 3 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja huwa intitolat “Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi.” Dan jikkunsidra żewġ fatturi vitali li jagħmluha possibbli għall-koppja biex tgħix ferħana flimkien, u jwassalha għal ħafna barkiet. Tistaʼ titlob kopja taʼ dan il-ktieb billi timla l-kupun t’hawn u tibagħtu fl-indirizz muri fuq il-kupun jew f’indirizz addattat imniżżel f’paġna 5 taʼ din ir-rivista.
□ Nixtieq nirċievi kopja tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja.
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni rigward studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.