Mingħand il-Qarrejja
Skart Grazzi mill-qalb għas-serje t’artikli f’waqthom “L-Iskart—Se Jidfinna?” (8 taʼ Settembru, 2002) Meta tkun tgħix ġo pajjiż industrijalizzat huwa faċli ħafna li tinqabad f’mentalità taʼ “uża u armi.” L-artiklu tagħkom ġagħalni nieqaf u naħseb dwar il-perikli li dan iġib miegħu. Minn issa ’l quddiem se nibda naħsibha darbtejn l-għala nkun irrid neħles mill-affarijiet!
J. B., Stati Uniti
Tassew ħadt pjaċir bl-artikli li jiddiskutu l-problema taʼ l-iskart. Għal żmien twil kont ngħix f’kumpless t’appartamenti li fil-propjetà kellhom diversi tankijiet kbar għall-iskart. Darba kont miexi barra u nnotajt li fuq wieħed mit-tankijiet mimlijin kien hemm magna tal-kafè ġdida tleqq. Xi ftit żmien qabel, żewġ ġuvintur żgħar qalu li sabu arloġġ tad-deheb hemmhekk. Bqajt ixxokkjat bl-affarijiet li stajna nsibu f’dawk it-tankijiet. Issa għamlu tabella li tgħid, “Tqallbux fl-iskart.”
B. Q., Stati Uniti
Kirurġija Kosmetika Grazzi minn qiegħ qalbi għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Nuża l-Kirurġija Kosmetika?” (8 taʼ Settembru, 2002) Jien għandi 14-il sena, u l-iskola xi studenti joqogħdu jwaqqgħuni għaċ-ċajt minħabba waħda mill-fattizzi taʼ wiċċi. Kont konvinta li ridt inbiddilha. Dan l-artiklu għenni nanalizza dak li verament ridt u nifhem kemm kont sejra żbaljata. Dak li jgħodd għal Jehovah huwa s-sbuħija minn ġewwa.
C. T., Franza
Xi ftit xhur ilu, meta kont qed nitkellem maʼ waħda minn sħabi tax-xogħol, is-suġġett waqaʼ fuq il-kirurġija kosmetika. Hi ħasset li din m’hijiex xierqa għax turi diżrispett lejn il-Ħallieq. Dak iż-żmien ma stajt insib xejn speċifiku fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Madankollu, għedtilha liema prinċipji Bibliċi japplikaw, li wara sibthom f’dan l-artiklu. Meta urejtha l-artiklu, tgħidx kemm ħadet pjaċir bih.
M. R., Stati Uniti
Attrazzjoni Jien għandi 21 sena u niġġieled mal-fatt li ma nħossnix attraenti. L-esperjenza tiegħi hija deskritta l-aħjar minn Tyler fl-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Nistaʼ Nagħmel biex Inkun Iktar Attraenti?” (8 t’Awissu, 2002) Il-parir prattiku u bbażat minn fuq il-Bibbja kien dak kollu li kelli bżonn. Grazzi għal dan l-artiklu u għall-pubblikazzjonijiet oħrajn li jkomplu joffru l-għajnuna liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw daqs dawk sfidi f’din id-dinja mill-agħar. Dak li jonqosni nagħmel huwa li npoġġi l-parir fil-prattika.
P. L., Żambja
Talb Grazzi mill-qalb għall-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Talb li Hu Mismugħ minn Alla.” (8 taʼ Settembru, 2002) Dik il-ġurnata li qrajtu kont dipressa ħafna. Il-kliem li hemm f’Isaija 41:10 veru saħħaħni. Kemm jien ferħana li Jehovah isaħħaħ mhux biss lili imma lil oħrajn ukoll u li hu jismaʼ t-talb kollu tagħna, anki l-ħsibijiet! Ilni ngħix f’dar maqsuma reliġjożament għal 20 sena. M’huwiex faċli għax ilni nbati wkoll minn marda kronika għal iktar minn 30 sena. Grazzi ħafna għal dawn ir-rivisti meraviljużi. Jibqgħu jagħtuni s-saħħa li jkolli bżonn biex nibqaʼ miexja ’l quddiem.
D. G., Ġermanja