LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 1/8 pp. 15-17
  • Niltaqgħu mill-Qrib mal-Firien il-Ġebel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Niltaqgħu mill-Qrib mal-Firien il-Ġebel
  • Stenbaħ!—2003
  • Materjal Simili
  • Werrej
    Stenbaħ!—2011
Stenbaħ!—2003
g03 1/8 pp. 15-17

Niltaqgħu mill-​Qrib mal-​Firien il-​Ġebel

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​ITALJA

TIXTIEQ issir taf ħlejqa żgħira u mistħija li kemm issaħħrek kif ukoll iddaħħqek? Ħa ngħidlek dwar meta jien u marti ltqajna maʼ grupp t’annimali ċkejknin sufin imsejħin firien il-​ġebel (marmota marmota).

Ninsabu fid-​Dolomiti, grupp taʼ muntanji fl-​Italja taʼ fuq, u minfejn qegħdin nistgħu naraw żewġ qċaċet maestużi tal-​muntanji—il-​Latemar u l-​Catinaccio. Il-​mogħdija wieqfa li għażilna twassal għat-​tlajjaʼ tal-​Catinaccio. Hemm varjetà taʼ fjuri li kibru fejn m’hemmx siġar. Nieqfu nammiraw il-​ġilju martagon eleganti. L-​attenzjoni tagħna tmur ukoll fuq l-​orkidea Nigritella nigra, fjura magħmula minn grupp taʼ fjuri iżgħar li għandha riħa tfuħ taʼ vanilja. F’nofs l-​għodwa, ix-​xemx kienet diġà saħħnet il-​qoxra taz-​zkuk tal-​koniferi mxerrdin ’l hemm u ’l hawn—l-​arżnu t’Arolla, iż-​żnuber, u l-​lerċi—u bihom l-​arja timtela b’riħa tfuħ qawwija taʼ balzmu.

Iktar tard naslu f’wied bla siġar. Fuq il-​lemin hemm għolja wieqfa miksija bil-​ħaxix. U fuq ix-​xellug hemm ħafna ġebel kbir. Fid-​daqqa u l-​ħin, naraw xi ħaġa tiċċaqlaq malajr. Indur bla ma rrid, iżda ma jidher ebda moviment. Meta nħares sew, ninnota far il-​ġebel wieqaf f’tarf taʼ ġebla. Forsi hemm xi grupp minnhom joqgħod fix-​xquq taʼ bejn il-​ġebel.

Il-far il-​ġebel hu l-​akbar membru tal-​familja taʼ l-​iskojjattlu. Waħda mill-​iktar speċi magħrufa taʼ dan l-​annimal gerriemi mbaċċaċ huwa l-​far il-​ġebel taʼ l-​Amerika taʼ Fuq, marmota monax. Il-​firien il-​ġebel li jinsabu fil-​parti tad-​dinja fejn qegħdin aħna huma dawk taʼ l-​Alpi. Huma jħobbu jgħixu flimkien fi gruppi.

Aħna nitilqu l-​mogħdija u nipprovaw nittawlu mill-​viċin, imma l-​far il-​ġebel m’għadux hemm. Nistennew ftit, waqt li nittamaw li din il-​ħlejqa mistħija terġaʼ titfaċċa. Ftit ħin wara, marti tibda xxejjer idejha bl-​eċċitament. Hemm wieħed jittawlilna minn wara ġebla! Il-​pil griż fil-​kannella huwa kważi kulur il-​ġebla, u għalhekk l-​annimal bilkemm jidher. Meta nħares iktar sew, ninnota li far il-​ġebel żgħir qed jittawlilna wkoll. Ftit ’il bogħod, naraw far il-​ġebel ieħor—li naħsbu li hu l-​missier. Għalkemm ma nistgħux inkunu ċerti, togħġobna l-​idea li qed inħarsu lejn familja taʼ firien il-​ġebel.

Dak li għalina huwa l-​far missier huwa twil madwar 45 ċentimetru u qiegħed bil-​qiegħda dritt fuq saqajh taʼ wara, bħallikieku qiegħed għassa. Sadanittant, iż-​żewġ firien l-​oħra qed iduru mas-​siġar żgħar tar-​rododendru. Meta jkunu qed jikkaċċjaw għall-​ikel, il-​firien il-​ġebel iħaffru l-​art b’saqajhom taʼ quddiem li għandhom dwiefer b’saħħithom. Meta jsibu xi għeruq li jogħġbuhom, joqogħdu bil-​qiegħda dritti biex igerrmuhom, billi jtellgħuhom maʼ ħalqhom b’saqajhom taʼ quddiem. Il-​firien il-​ġebel jieklu kmieni fil-​għodu u fil-​għaxija, u jieħdu nagħsa bejn ikla u oħra. Minbarra ħaxix, huma jieklu ġurati, ħanfus, dud, u bajd taʼ l-​għasafar, imma ma jerfgħux ikel fil-​ħofor tagħhom taʼ taħt l-​art.

Hija xi ħaġa pjaċevoli li naraw din il-​familja taʼ firien il-​ġebel, imma meta nipprova nersaq eqreb biex niħdilhom ritratt, it-​tlieta li huma jieqfu ħesrem. Meta nerġaʼ niċċaqlaq, is-​skiet tal-​wied jintilef meta l-​far “missier” iwerżaq tnejn. F’leħħa taʼ berqa, “l-​omm” u “ż-​żgħir” jidħlu malajr malajr f’żewġ passaġġi dojoq u jisparixxu taħt il-​ġebel. “Il-​missier” iħares lejja għal ftit. Imbagħad, wara li jwerżaq darbtejn oħra, hu jiżgiċċa biex jingħaqad mal-​bqija tal-​familja.

Iktar ’l isfel fil-​wied, insib ġebla li tidher li hi post tajjeb minfejn noqgħod nosservahom. Ninxteħet fuqha u nistenna. Ftit wara, żewġ firien il-​ġebel oħra jissograw joħorġu fil-​beraħ. Wieħed minnhom jixxabbat maʼ ġebla kbira u jintefaʼ fuq żaqqu. L-​ieħor jitlaʼ maʼ l-​istess ġebla min-​naħa l-​oħra. Meta jiltaqgħu, iż-​żewġ firien jidhru qishom qed ibusu lil xulxin.

Jien inkompli nosserva l-​firien il-​ġebel, u nibqaʼ impressjonat mill-​movimenti żgħar tagħhom bil-​ħeffa li huma mżewqin b’pawsi fit-​tul. Kull ċaqliqa ħafifa li nagħmel iġġagħalhom jieqfu ħesrem u jgħollu rashom, lesti biex jaħarbu. Imbagħad jieħdu n-​nagħsa tagħhom, bħallikieku ma jimpurtahomx li jien qiegħed hemm.

Jien ninnota li l-​art kollha ħaxix taʼ quddiemi hija mimlija ħofor li tistaʼ tagħrafhom malajr mill-​gzuz taʼ ħamrija ċara. Dawn huma ħofor t’emerġenza għall-​firien il-​ġebel, fejn jistkennu meta jaraw xi periklu waqt li joħorġu għal ftit biex isibu x’jieklu. Il-​ħofor taʼ taħt l-​art għandhom kamra ċentrali b’ħafna passaġġi fil-​ġnub li jagħtu għaliha. Kull passaġġ jistaʼ jkun twil minn metru sa sitt metri, u l-​firien isibu t-​triq minn dawn il-​labirinti permezz tal-​mustaċċi suwed tagħhom li jinsabu mad-​dawra taʼ ħalqhom.

Fil-bard kiefer tax-​xitwa, gruppi taʼ bejn 10 u 15-il far il-​ġebel jirtiraw lejn kmamar fejn jistgħu jorqdu għax-​xitwa. Il-​firien il-​ġebel kbar u żgħar li jkunu ġejjin minn diversi ħofor użati fis-​sajf jinġabru f’dawn il-​kmamar li jkunu diġà mlewhom bit-​tiben. Wara jitgeddsu maʼ xulxin u jibdew raqda twila. It-​temperatura taʼ ġisimhom tinżel għal inqas minn 8° Celsius, u r-​rata taʼ qalbhom tinżel għal tliet sa ħames taħbitiet kull minuta, u jieħdu nifs darbtejn jew tliet darbiet kull minuta—għall-​firien il-​ġebel, dan hu biżżejjed biex kemm kemm jibqgħu ħajjin. Madwar darba fix-​xahar, huma jwaqqfu r-​raqda biex imorru jħammġu f’latrini mħaffrin apposta f’parti differenti tal-​ħofra u li jkunu magħluqin sew. Il-​kmamar differenti tal-​ħofor fejn jorqdu fit-​tul ukoll ikunu blokkati minn xulxin, imma m’humiex siġillati sal-​punt li ma tgħaddix arja. B’dan il-​mod iżommu daqsxejn arja tiċċirkola fil-​ħofor.

Ix-xjenzati ilhom żmien twil jipprovaw jifhmu kif il-​firien il-​ġebel jibqgħu ħajjin fit-​temp xitwi. Dan l-​aħħar ġie determinat li r-​raqda twila tax-​xitwa hija regolata minn ċerti glandoli endokrinali, partikolarment it-​tirojde. Fil-​fatt, meta lill-​annimali jtaqqbuhom b’estratti taʼ l-​ormoni, ma jmorrux jorqdu fit-​tul. Imma, il-​ħaġa taʼ interess hi li meta l-​annimali jittieħdu f’post kiesaħ ħafna matul is-​sajf, huma jirreaġixxu billi jżidu l-​attività tat-​tirojde u r-​rata tal-​metaboliżmu tagħhom biex iżommu t-​temperatura normali f’ġisimhom. Jidher ċar li permezz taʼ l-​istint huma jkunu jafu li għadu ma wasalx iż-​żmien biex jorqdu fit-​tul.

Tant niggostawhom il-​firien il-​ġebel li lanqas nindunaw li sar il-​ħin. Diġà sar kważi fil-​għaxija, u rridu nħalluhom warajna u mmorru lura fil-​qiegħ tal-​wied. Naslu hemm maʼ l-​għabex. Illum rajna ħafna għeġubijiet tan-​natura, imma forsi l-​iktar ħaġa li spikkat kienet meta ltqajna mill-​qrib mal-​firien il-​ġebel.

[Stampa f’paġna 16]

Il-​firien il-​ġebel isellmu ’l xulxin

[Stampi f’paġna 17]

Fjuri taʼ l-​Alpi

Ġilju martagon

Bearded bellflower

Stilla taʼ l-​Alpi (Edelweiss)

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Firien il-​ġebel: Gerken/Naturfoto-Online.de

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Firien il-​ġebel: Gerken/Naturfoto-Online.de

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja