Qassis Jammetti li x-Xhieda Għandhom il-Virtujiet
Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-Awstralja
FL-1991, is-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Condobolin, New South Wales, l-Awstralja, iġġarrfet bin-nar. Ftit ġimgħat wara, fl-ittra parrokkjali tiegħu, qassis Anglikan lokali esprima sentimenti taʼ mogħdrija “għat-telfa tal-post taʼ qima.” L-ittra tiegħu kompliet hekk:
“Filwaqt li hemm differenzi ovvji bejn il-prattiċi tagħna u tagħhom, għal snin sħaħ jien faħħart ħafna l-aspetti tal-prattiċi tal-fidi tagħhom li fihom infushom nemmen li huma tajbin.” X’inhuma xi ftit minn dawn l-aspetti pożittivi?
L-ewwel: “Huma konċernati ħafna dwar it-tagħlim tal-fidi. Minħabba f’hekk, jiltaqgħu flimkien għal żewġ jew tliet okkażjonijiet kull ġimgħa.” Dan hu minnu—ir-reliġjon tax-Xhieda taʼ Jehovah tinkludi qari, tagħlim, u ppridkar. Għandhom tliet laqgħat fil-ġimgħa.
It-tieni punt tal-qassis kien: “Huma . . . jagħmlu żjajjar taʼ evanġelizzar regolarment fid-djar tan-nies. . . . Huma jriduna nkunu nafu li t-tielet l-akbar denominazzjoni fl-Awstralja hija magħmula minn nies li jgħidu li huma Bla Reliġjon (3,841,000 ruħ). Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex kuntenti li jżommu l-fidi għalihom biss imma jridu jaqsmuha maʼ nies oħrajn.” Huma jafu li jridu jwieġbu għal Mattew 24:14 u Mark 13:10 billi jippridkaw l-aħbar tajba.
It-tielet punt hu: “Ma tarahomx jiġbru l-fondi permezz tal-komunità billi jagħmlu xi ġbir mit-toroq jew b’xi modi oħrajn. Il-finanzi tagħhom jiġu minn ġol-komunità [tagħhom] stess.” Il-Bibbja tgħid, “b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” u, “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” B’hekk, huma ma jagħmlux ġbir. B’għaqal, fis-swali tagħhom issib kaxxi għall-kontribuzzjonijiet.—Mattew 10:8; Atti 20:35.
X’kien l-aħħar aspett taʼ tifħir li semma? “Huma jibnu l-postijiet taʼ qima tagħhom billi jużaw ammont taʼ ħin u finanzi mill-inqas. . . . Tistgħu tmorru tagħtu titwila fi Triq Gum Bend Lake . . . u taraw lix-Xhieda taʼ Jehovah lokali . . . jaħdmu biex jibnu Sala tas-Saltna ġdida. Huma jgħidu li bejn wieħed u ieħor ix-xogħol se jdum tlett ijiem.” Imbagħad x’parir ta lill-parruċċani tiegħu?
“Jien nagħtikom parir terġgħu taqraw l-erbaʼ punti li ssuġġerejt hawn fuq u taraw kif dawn jistgħu jgħinukom taħsbu dwar kif qed tipprattikaw b’mod viżibbli l-fidi tagħkom. . . . Jien naħseb li meta nqisu dawn l-erbaʼ punti li semmejna, in-nies tax-Xhieda taʼ Jehovah iġibu fix-xejn lill-Anglikan in ġenerali u lil parroċċi Kristjani oħrajn.”
Jekk tixtieq iżżur Sala tas-Saltna u tara b’għajnejk kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħtu qima u x’jemmnu, tiddejjaqx tmur fl-eqreb Sala tas-Saltna, jew inkella tiktbilna għall-indirizz taʼ l-eqreb sala għalik.